Wednesday, July 24, 2024

Sa disa’ snin ħabs u €20,000 multa għal persuna ħatja ta’ sterilizzazzjoni furzata

Ippreżentat Abbozz ta’ Liġi li jipprojbixxi b'mod komprensiv l-isterilizzazzjoni furzata

Aqra wkoll

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli ħabbret li l-Kabinett tal-Ministri approva li jitressaq Abbozz ta’ Liġi li għandu l-għan li jemenda l-Kodiċi Kriminali ta’ Malta, biex jipprojbixxi b’mod komprensiv l-isterilizzazzjoni furzata.

Dan se jfisser li wara l-adozzjoni ta’ dawn l-emendi mill-Parlament, l-isterilizzazzjoni ser tkun possibbli biss bil-kunsens liberu u infurmat tal-persuna li tkun se tgħaddi mill-proċedura. Il-kunsens ikun meħtieġ li jingħata mingħajr biża’ jew theddid, ikun jista’ jiġi rtirat fi kwalunkwe punt, u għandu jkun fuq il-bażi ta’ deċiżjoni infurmata.

Il-Ministru Farrugia Portelli spjegat kif il-persuna mhux biss trid tingħata l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-proċedura, il-konsegwenzi tagħha u l-alternattivi għaliha, imma wkoll b’mod li jinftiehem mill-pazjent. Barra minn hekk, hemm inkluż id-dritt li persuni jiġu appoġġati minn individwi tal-fiduċja tagħhom, bħall-assistenti personali.

L-abbozz jipprovdi wkoll għal sitwazzjonijiet fejn il-kisba ta’ kunsens liberu u infurmat kif stabbilit fih tista’ tkun impossibbli jew mhux prattika fosthom fi proċeduri li jistgħu jkunu medikament meħtieġa.

Il-Ministru Farrugia Portelli saħqet li altrimenti, kull persuna li twettaq sterilizzazzjoni furzata, jew li tassisti jew titlob għal tali proċedura, tkun tista’ teħel piena ta’ priġunerija ta’ bejn ħames u disa’ snin, u addizzjonalment tkun tista’ tiġi mmultata bejn  €8,000 u  €20,000. Is-sentenzi ta’ ħabs jiżdiedu bi grad, jekk dan ir-reat jiġi aggravat permezz tal-użu tal-forza, il-qerq, il-frodi, it-tixħim, l-għemil qarrieqi, l-isfurzar jew it-theddid.

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li permezz tal-adozzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, Malta mistennija tkun il-11-il pajjiż fl-Unjoni Ewropea li tipprojbixxi bis-sħiħ l-isterilizzazzjoni furzata.

Kien irrimarkat kif din il-prattika tmur kontra l-obbligi ta’ Malta f’termini tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UNCRPD), u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ġlieda kontra l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta’ Istanbul). Il-prattika ġiet ikkundannata wkoll mill-Kumitat tal-Ġnus Magħquda dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa.

Il-Ministru fissret kif hu ta’ sinifikat kbir li dan l-Abbozz ta’ Liġi qed jiġi ppreżentat matul is-16-il Jum internazzjonali tal-Attiviżmu kontra l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru kif ukoll matul il-ġimgħa ddedikata lid-diżabilità. Dan minħabba li għalkemm kulħadd jista’ jkun vittma, dan ir-reat intwera storikament li jaffettwa b’mod sproporzjonat lin-nisa u b’mod partikolari, nisa b’diżabilità, prinċipalment nisa b’diżabilitajiet intellettwali.

Pirkko Mahlamaki, Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità (EDF), u President tal-Kumitat tan-Nisa tagħhom, awgurat lil Malta għal dik li se tkun deċiżjoni storika, u qalet li tixtieq tara lil Malta tkun fuq quddiem nett fil-ġlieda biex tiġi pprojbita l-isterilizzazzjoni furzata fil-livell tal-UE. Sentimenti simili kienu mtennija minn Ana Pelaez, President tal-Kumitat tal-Ġnus Magħquda dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa.

Sara Rocha, Viċi President tal-Kumitat tan-Nisa tal-EDF, u tal-Kunsill Ewropew tal-Persuni Awtistiċi (EUCAP), u attivista ewlenija kontra l-isterilizzazzjoni furzata, irrikonoxxiet l-isforz Malti sabiex il-pajjiż ikun fuq in-naħa t-tajba tal-istorja billi jikkriminalizza l-isterilizzazzjoni furzata.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll minn Dott. Alistair de Gaetano, konsulent tal-Ministeru dwar id-Diżabilità u li ħadem direttament fuq l-emendi li qed ikunu proposti.

Ekonomija

Sport