Saturday, December 21, 2024

Sa issa ġew allokati €26 miljun għall-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel skont il-protokolli għall-ħarsien tas-saħħa tat-tfal, edukaturi u ħaddiema

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt konferenza dwar il-Budget fl-iskola ġdida tal-primarja fil-Qawra tkellmu l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici qal li l-investiment totali li l-Gvern alloka biex l-iskejjel ta’ pajjiżna setgħu jinfetħu skont il-protokolli maħruġa mill-awtorijiet kompetenti sa issa jammonta għal total ta’ €25,984,560.

Huwa qal ukoll li, minbarra dan, matul is-sena d-dieħla huwa mistenni li jintefqu €11,962,000 oħra fi spejjeż rikorrenti in vista tal-istess protokolli. Il-Ministru Bonnici saħaq li din hi prova ċara tal-impenn tal-Gvern biex l-edukazzjoni tat-tfal u l-istudenti tkompli timxi ’l quddiem u ta’ kemm il-Gvern ħa bis-serjetà s-saħħa u s-sigurtà tat-tfal, edukaturi u ħaddiema fl-iskejjel.

Hu sostna Ii dawn l-ammonti jinkludu nefqa addizzjonali fis-servizz ta’ tindif, fis-servizz ta’ sigurtà, fis-servizz ta’ superviżjoni mal-wasla u t-tluq tat-tfal, fil-provvediment ta’ materjal tal-ħasil, iġjene, sanitazzjoni u diżinfezzjoni, ħlasijiet marbuta mar-risk assessments, ħlasijiet marbuta ma’ lezzjonijiet pre-rekordjati, servizzi addizzjonali ta’ ħarsien tat-tfal f’żewg ċentri ġodda, spejjeż ġodda marbuta mal-breakfast għat-tfal u oħrajn.

Waqt konferenza stampa li ngħatat dwar il-budget għall-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, il-Ministru Bonnici qal li l-Budget għas-sena 2021 se jibqa’ mniżżel fl-istorja bħala l-iktar budget li qatt alloka flus lis-settur tal-edukazzjoni u x-xogħol. B’kollox il-budget għas-sena 2021 jagħti żieda totali ta’ €65 miljun u dan mingħajr ma wieħed jieħu in konsiderazzjoni l-fondi Ewropej.

Il-Ministru Bonnici semma li prijorità ewlenija se tkun il-proġetti infrastrutturali fis-settur edukattiv.

Huwa qal li matul din is-sena saru numru ta’ proġetti infrastrutturali, bħall-ftuħ tal-Iskola Primarja l-ġdida tal-Qawra b’investiment ta’ €13 miljun, il-bini tal-footpath fl-Iskola Sekondarja (Liċeo) tal-Ħamrun b’investiment ta’ €0.5 miljun, u x-xogħol fuq l-Iskola Medja u Sekondarja taż-Żejtun b’investiment ta’ madwar €5 miljun oħra. Qabel l-aħħar ta’ din is-sena stess se jitlesta x-xogħol ta’ restawr tal-Iskola tal-Arti fil-Belt Valletta b’investiment ta’ €5 miljuni.

Bl-istess mod, qal il-Ministru Bonnici, is-sena 2021 se tkun ikkaratterizzata minn iktar xogħol infrastrutturali fil-kamp edukattiv. Huwa rrefera għax-xogħol li għaddej għall-bini ta’ Skola Primarja ġdida fl-Imsida b’investiment ta’ €14-il miljun u saħaq li fil-jiem li ġejjin se titqiegħed l-ewwel ġebla fl-Iskola Primarja l-Ġdida tar-Rabat, Għawdex li se ssir b’investiment ta’ €10 miljun. Din l-iskola se tieħu post l-iskola eżistenti li għandha iktar minn 160 sena.

Żewġ proġetti oħra li fis-sena 2021 se jingħataw spinta kbira huma dawk tal-estensjoni u xogħol maġġuri fuq l-Iskola Primarja ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi u tal-Iskola Sekondarja ta’ Santa Luċija rispettivament. Dawn iż-żewġ proġetti, qal il-Ministru Bonnici, se jsiru b’investiment komplessiv ta’ madwar €15-il miljun oħra.

Fl-istess waqt il-Ministeru se jkun qed iwettaq xogħlijiet ta’ tisbiħ fid-diversi skejjel statali f’Malta u Għawdex, qal il-Ministru Bonnici. B’mod partikolari, matul is-sena 2021 se jibda xogħol ta’ modernizzar fuq skala ikbar fl-Iskola Primarja tar-Rabat Malta b’investiment ta’ €2.3 miljuni, fl-Iskola Primarja tan-Nadur b’investiment ta’ €1 miljun u fl-Iskola Primarja ta’ Ħal-Għaxaq b’investiment ieħor ta’ €1 miljun. Hu spjega li b’kollox huma mistennija jibbenefikaw total ta’ kwazi elf student bejn dawn it-tliet skejjel.

Se jinbeda x-xogħol ukoll fuq estensjoni tal-Iskola Primarja tan-Naxxar b’investiment ta’ €2 miljuni oħra.

Fejn tidħol l-edukazzjoni terzjarja, qal il-Ministru Bonnici, hemm proġetti importanti ħafna li se jingħataw spinta kbira matul is-sena d-dieħla. 

Hu spjega li fl-Università ta’ Malta, matul is-sena d-dieħla, sejrin ninvestu f’kumpless sportiv ġdid, liema kumpless se jinkludi, fost l-oħrajn, faċilitajiet għall-arti performattiva; indoor track għat-taħriġ tal-atleti; grawnd tal-futbol full-size u trekk olimpiku. Huwa qal li se jkun hemm ukoll binja ġdida għall-Istitut tal-Edukazzjoni Fiżika u għall-Iskola tal-Arti Performattiva u parkeġġ ta’ żewġ sulari.

Il-Ministru Bonnici semma wkoll t-tlestija matul is-sena d-dieħla ta’ żewġ proġetti infrastrutturali maġġuri li qed isiru b’fondi tal-Unjoni Ewropea – wieħed marbut ma’ Ċentru Ġdid għall-qasam tal-Matematika u l-Fiżika u l-ieħor marbut ma’ Ċentru Ġdid għall-qasam tal-post-doctorate b’investiment totali ta’ €25 miljun.

Fl-MCAST, imbagħad, qal il-Ministru Bonnici ser inkomplu bit-titjib u bini ta’ aktar faċilitajiet fi ħdan il-campus ta’ Raħal Ġdid. Matul is-sena 2021 se naraw it-tlestija taċ-Ċentru Ġdid għar-Riżorsi u l-Bini l-ġdid tal-Informatika b’investiment totali ta’ €23 miljun minn fondi Ewropej. Ser ikun hemm ukoll investiment f’faċilitajiet rikreattivi għat-titjib tas-saħħa mentali u fiżika tal-komunità, l-istudenti u l-impjegati tal-MCAST.

Fil-konferenza stampa tkellem ukoll is-Segretarju Parlamentari responsabbli miż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat, Clifton Grima. Hu qal li dan huwa budget li se jkompli jibni fuq budgets preċedenti u li se jkompli jsaħħaħ l-investiment fl-infrastruttura sportiva imma wkoll fuq il-legat li dan il-Gvern se jkun qed iħalli fil-qasam sportiv.

Huwa beda billi semma kif se tinħoloq awtorità ġdida li se sservi bħala regolatur sportiv fuq oqsma sportivi differenti u li huma ta’ importanza nazzjonali. Din l-awtorità ser tilqa’ l-isfidi sportivi u l-obbligazzjonijiet internazzjonali sabiex ikomplu jissaħħu l-ġustizzja, it-trasparenza u l-integrità fl-isport u tkun responsabbli mill-aspett regolatorju u ta’ governanza tal-isport Malti.

Hu sostna li dan il-Gvern wera b’mod ċar li ser jagħti importanza kbira lill-isport ekwestri. Huwa għalhekk li l-Gvern ser ikun qed jikkonverti dik li għal aktar minn mitt sena kienet il-Malta Racing Club f’Awtorità ġdida li se jkun jisimha EquestriMalta. Din l-awtorità ser tieħu ħsieb l-aspett regolatorju kollu tal-isport li jinvolvi ż-żwiemel f’pajjiżna.

Hu semma wkoll kif l-investiment fl-infrastruttura sportiva se jkompli jikber. Huwa saħaq li kif ftit ġimgħat ilu l-Valletta FC ingħata titlu ta’ art sabiex ikun jista’ jiżviluppa kumpless sportiv, bl-istess mod se tingħata titlu ta’ art lil numru ta’ klabbs oħra sabiex dawn ukoll ikollhom kumpless sportiv tagħhom

Is-Segretarju Parlamentari qal kif fi ftit ġimgħat se jiġi inawgurat ukoll it-tieni fażi tal-proġett tal-padiljun tal-Basketball f’Ta Qali. Apparti dan, fl-2021 se jitlesta x-xogħol fuq il-waterpolo pitch tas-Sirens, jibda x-xogħol fuq il-pitch tal-waterpolo f’Marsaskala, jibda x-xogħol fuq il-faċilità sportiva tat-tennis f’Pembroke, tisbiħ fil-faċilitajiet tal-BMX u anke jitkompla x-xogħol fuq il-pixxina indoor fil-Kottonera. Dawn huma infrastrutturi li se jitgawdew mill-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Is-Segretarju Parlamentari Grima semma wkoll kif il-volontarjat, matul l-2020, ingħata l-akbar għajnuna finanzjarja ta’ €3 miljuni li permezz tagħha ġew salvati mijiet ta’ impjiegi. Huwa qal kif il-volontarjat se jkompli jissaħħaħ permezz tal-proġett taċ-Ċentru tal-Volontarjat f’Marsaxlokk b’investiment ta’ €1.8 miljun.

Fl-aħħar, hu saħaq dwar l-importanza tas-settur taż-żgħażagħ li huma l-futur tal-pajjiż. Għaldaqstant se tiġi implimentata l-Politika Nazzjonali taż-żgħażagħ ‘Lejn l-2030’ sabiex jiġu indirizzati l-isfidi l-ġodda li ż-żgħażagħ ser jiffaċċjaw fis-snin li ġejjin. Apparti hekk, il-Gvern ser jinvesti f’mobility hub f’Santa Venera sabiex ikun hemm aktar spazju għal skambji internazzjonali u lokali.

Ekonomija

Sport