F’laqgħa ta’ qabel il-Budget mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li sa Settembru li għadda, il-gvern investa iktar minn €20 miljun biex ħeġġeġ lin-nies imorru għall-proġetti li jħarsu l-karattru Malti.
Dan permezz ta’ ffrankar ta’ taxxa jew għotjiet diretti.
€18.6 miljun ġew iffrankati minn dawk li xtraw proprjetà f’żona ta’ konservazzjoni urbana apparti li ftit aktar minn miljun ewro oħra ġew iffrankati mix-xerrejja ta’ proprjetà li kienet ilha vakanti.
Fil-laqgħa mat-tmexxija tal-MDA, Dr Abela aċċenna li dawn huma miżuri li l-gvern se jibqa’ jsostni b’inċentivi li jieħdu ħsieb l-ambjent ta’ pajjiżna filwaqt li l-ekonomija tibqa’ għaddejja b’mod b’saħħtu.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-iżvilupp mhux neċessarjament huwa kontra l-ambjent u filwaqt li rridu nifhmu d-drittijiet li għandu individwu, dan il-gvern se jibqa’ jinċentiva żvilupp li jagħmel sens u ta’ kwalità.
Il-prim ministru nnota kif is-settur li tirrappreżenta l-MDA baqa’ għaddej b’saħħtu u fakkar fil-prijorità tal-gvern li fil-Budget għal 2023 tkompli tingħata stabbiltà u offruta s-sostenibbiltà.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-MDA Michael Stivala saħaq li d-deċiżjoni strateġika li l-gvern jgħin fil-qasam tal-enerġija mingħajr ma anki jżid it-taxxi hija waħda tajba u biex din l-għajnuna tkun sostnuta jeħtieġ tkabbir ekonomiku frott investiment anki mis-settur privat.
Is-Sur Stivala saħaq li s-settur privat jibqa’ jħares lejn l-inċentivi u t-tnaqqis fil-burokrazija filwaqt li semma’ li l-MDA temmen ukoll fit-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.
Hawnhekk fost oħrajn semma l-qbil li l-MDA għandha, li l-kumpens għall-għoli tal-ħajja (COLA) għandu jingħata b’mod sħiħ, ikun kemm ikun.
Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll il-Ministri Clyde Caruana, Stefan Zrinzo Azzopardi, Silvio Schembri, u Miriam Dalli, kif ukoll is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, id-Deputat tal-Gvern Deo Debattista u l-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Glenn Micallef.