Tuesday, April 30, 2024

Ir-Renju Unit f’xifer riċessjoni wara li l-ekonomija terġa’ tiċkien

Aqra wkoll

Hemm biża’ li r-Renju Unit jista’ jkun f’riċessjoni wara li l-ekonomija naqset b’mod mhux mistenni f’Awwissu għall-ewwel darba f’xahrejn.

It-tnaqqis ta’ 0.3% minn Lulju sa Awwissu ġie wara taqlib simili aktar kmieni fis-sena, meta f’April il-prodott domestiku gross naqas b’0.3%, meta mqabbel ma’ tnaqqis ta’ 0.1% f’Marzu.

L-esperti kienu qed jistennew li t-tkabbir ekonomiku se jdum iżda minflok waqa’ l-isfel minn tkabbir rivedut ta’ 0.1% ix-xahar ta’ qabel, skont l-Uffiċċju għall-Istatistika Nazzjonali (ONS).

L-aħħar dejta fissret li l-ekonomija tinsab fit-triq it-tajba b’mod ġenerali fit-tielet kwart. Iżda biex jiġi evitat tnaqqis kull tliet xhur, kien hemm bżonn tkabbir ta’ aktar minn 1% f’Settembru.

L-ONS qal li kien hemm tnaqqis kontinwu bil-prodott gross domestiku (PGD) naqas b’0.3% fit-tliet xhur sa Awwissu.

Ekonomista ewlieni tal-­Uffiċċju għall-Istatistika Naz­zjonali, qal li l-ekonomija naqset f’Awwissu bil-produzzjoni u s-servizzi jaqgħu lura, u b’reviżjoni żgħira ’l isfel għat-tkabbir ta’ Lulju.

Il-produzzjoni taż-żejt u l-gass naqset aktar mis-soltu hekk kif saret il-manutenzjoni skedata tas-sajf fil-Baħar tat-Tramuntana. Tnaqqis no­tevoli deher ukoll f’ħafna mill-manifattura. Il-qasam tas-saħħa kkontribwixxa wkoll dan bi tnaqqis fin-numru ta’ konsultazzjonijiet u operazzjonijiet fl-isptarijiet.

Min-naħa pożittiva, dan it-tnaqqis ġie parzjalment ikkumpensat minn prestazzjoni tas-sajf aktar b’saħħitha mis-soltu minn bosta servizzi professjonali bħal avukati, accountants u periti.

Nhar it-Tnejn li għadda, il-Bank of England (BoE) irrifjuta li jestendi l-appoġġ ta’ emerġenza lil hinn mill-Ġimgħa, fost taqlib finanzjarju ġdid. Il-Gvernatur tal-BoE Andrew Bailey warrab it-talbiet għal estensjoni waqt li kien f’Washington.

Il-kummenti tiegħu dehru li wasslu għal tnaqqis drammatiku fil-valur tal-Isterlina, li niżlet aktar minn ċenteżmu kontra d-dollaru għall-inqas rata mid-29 ta’ Settembru.

Hekk kif il-­Parlament iltaqa’ nhar it-Tnejn, il-­Kanċillier Kwasi Kwarteng ġie mwissi li l-kredibilità ekonomika tal-Gvern tit­naqqas aktar jekk jipprova jimbotta l-politika mingħajr l-appoġġ tad-deputati Konservattivi.

Eks ministru tal-Kabinett, Julian Smith, qal li l-Gvern m’għandux jibbilanċja t-tnaqqis tat-taxxa fuq dahar l-ifqar nies fil-pajjiż.

Deċiżjoni dwar jekk il-­benefiċċji humiex se jogħ­lew skont l-inflazzjoni jew il-qligħ se titħabbar minn Kwarteng waqt il-pjan fiskali tiegħu għal żmien medju fil-31 ta’ Ottubru.

Is-sitwazzjoni ekonomika aktarx li taffettwa wkoll l-inkurunazzjoni tar-Re Karlu fejn deputati konservattivi ewlenin qed jissuġġerixxu li l-inkurunazzjoni tar-Re s-sena d-dieħla m’għandhiex tkun avveniment ta’ ‘prezz maqtugħ’ kif ġie ssuġġerit fost il-kriżi tal-għoli tal-ħajja, għalkemm ma spekulawx dwar ċifra preċiża ta’ kemm tista’ tiġi tiswa.

Ir-Re Karlu se jiġi inkurunat flimkien mar-Reġina Camilla nhar is-Sibt 6 ta’ Mejju tas-sena d-dieħla.

Sport