Wednesday, April 24, 2024

ID-DRITTIJIET GĦALL-KONSUMATUR FIL-LIĠI BIŻŻEJJED?

Aqra wkoll

Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed jidħlu drittijiet tal-konsumaturi fil-liġijiet.  Għal ħafna, dawn jitqiesu bħala drittijiet ġodda.  Biss qabel ma bdew jidħlu dawn id-drittijiet fil-liġijiet, kull kwistjoni bejn konsumatur u negozjant, aħna bħala Għaqda tal-Konsumaturi, konna nqisuha fuq prinċipju wieħed – Fair Deal.  

Dan il-prinċipju jgħid li peress li l-konsumatur ikun ħallas bi flus tajba, in-negozjant irid jagħtih prodott tajjeb.  

Illum id-drittijiet li qed jidħlu fil-liġijiet huma wkoll ibbażati fuq dan il-prinċipju.  Hemm żewġ differenzi – l-ewwel kif il-liġijiet huma miktuba u t-tieni l-kundizzjonijiet.  Aħna bħala Għaqda nemmnu li dawn il-liġijiet għandhom ikunu miktubin b’mod li l-konsumatur jifhimhom.  Biex ikunu jiftehmu il-liġijiet iridu jkunu miktubin bil-Malti, u mhux ħafna kliem Taljan, u s-sentenzi jkunu jridu jkunu strutturati li konsumatur normali jifhimhom.  Sentenza ta’ ‘l fuq minn mitt kelma, anki avukat isibha diffiċli biex jifhem l-implikazzjonijiet kollha, aħseb u ara ċittadin komuni.  Fil-każ tal-konsumaturi, dan hu aktar importanti minħabba t-Tribunal.  Rigward it-Tribunal, nikteb aktar l’isfel.

It-tieni fattur li llum għandhom il-liġijiet, hu l-kundizzjonijiet.  Ma hemmx dritt wieħed fil-liġijiet li m’għandux ruxxmata ta’ kundizzjonijiet.  Jekk nieħdu, per eżempju, il-garanzija kummerċjali, u negozjant kien jgħidlek li għandek garanzija ta’ sena, kien ikollok moħħok mistrieħ li l-ħsarat normali jaqgħu taħt il-garanzija.  Tant kienet hekk, li għadna sal-lum li l-maġġoranza tal-bejjiegħa meta tixtri xi oġġetti, sempliċiment jgħidulek li għandek sena, sentejn garanzija u jħalluk hekk.  Ħafna mill-konsumaturi lanqas biss tidħolhom f’moħħhom li suppost ingħataw x’ser ikun iggarantit.  Il-problema jiffaċċjawha meta tinqala’ problema għax mhux l-ewwel darba li jiġu infurmati min-negozjant li l-problema ma taqax taħt il-garanzija.  

Hu dritt tal-konsumaturi li meta jingħataw garanzija jingħataw id-dettalji.  Bħal ma ktibt, f’ħafna każi dawn ma jingħatawx garanzija bil-miktub.  Il-problema tal-konsumaturi hi li ma jkunux jisgħu jippruvaw li ma ngħatawx id-dettalji tal-garanzija.  Illum biex tipprova dan irid ikollok lil xi ħadd miegħek jeħodlok video kull meta tmur tixtri xi oġġett bil-garanzija – xi ħaġa li ħadd mhu ser jagħmilha.  

Dan barra l-fatt li anki meta tingħata garanzija bil-miktub, ġeneralment in-naħa l-oħra tal-invoice li tingħata tkun mimlija eċċezzjonijiet li jekk tgħarbilhom sew issib li l-garanzija ma tiswa xejn.  Eżempju, tiftihem li l-kċina li tkun ordnajt ser tasallek fl-1 ta’ Ottubru.  Din id-data, tiġi u tgħaddi mingħajr ma tisma’ xejn.  Meta tipprotesta u tippressa, in-negozjant jgħidlek biex taqra l-kundizzjonijiet għaliex waħda minnhom tgħidlek li hu mhux marbut bid-data jekk ma tkunx tiddependi minnu u hu mhux tort tiegħu għaliex il-kumpanija ta’ barra li ma bagħtitx il-kċina. U minkejja d-drittijiet, int tibqa’ lampa stampa.

X’inhuma l-possibiltajiet illum biex il-konsumatur jieħu raġun?  Fid-disgħinijiet iddaħħlet liġi bi drittijiet għall-konsumaturi.  Twaqqaf ukoll it-Tribunal għall-Affarijiet tal-Konsumaturi biex konsumatur li jkollu kwistjoni, peress li l-flus  u żmien involut ma jkunux ħafna, jkun jista’ jassigura d-dritt tiegħu.  Dan kien twaqqaf għaliex kulħadd kien jaf li l-ebda konsumatur għal ftit mijiet ta’ liri ta’ dak iż-żmien ma kienx jaqbillu jmur il-qorti minħabba l-kobor tal-ispiża u t-tul ta’ żmien. 

Fil-fatt, il-liġi riedet li l-ispejjeż ikunu żgħar – u hekk għadhom – u ħolqot proċeduri li jkunu tali li konsumatur jista’ jiddefendi ruħu hu nnifsu, b’mod mgħaġġel mingħajr ħafna proċeduri legali.  L-affarijiet kienu jinqatgħu fuq il-fatti bażiċi.  S’intendi ż-żewġ naħat kienu jippreżentaw fatti li mhux l-ewwel darba li ma jkunux jaqblu.  Biss anki hemm il-liġi ħadet ħsieb għaliex tat il-faċilita’ lill-arbitru biex jiġġudika hu liema fatti huma importanti mingħajr ma jidħol f’ħafna dettalji u provi.

It-Tribunal kien jaħdem f’dan l-ambjent u mhux biss il-konsumaturi kienu jistgħu jirsistu huma stess għad-drittijiet tagħhom imma li dan isir fi żmien qasir.  Fil-fatt ħafna mill-każi kienu jinqatgħu wara laqgħa waħda – xi ħaġa li l-liġi tenfasizza.  

Biss l-affarijiet inbidlu speċjalment minn meta iddaħħlu l-avukati fil-proċess.  Illum jekk tara t-Tribunal taħseb li qiegħed il-qorti għaliex kollox sar bi proċeduri li jimxu bihom l-avukati.   Konsumatur illum ma jistax jiddefendi ruħu hu innifsu għaliex ser ikollu jiffaċċja avukat li aktar jidħol f’irqaqat u proċeduri milli l-fatti.  Biex ikollu ċans irid iqabbad avukat hu stess.  U hawn mhux biss jisplodu l-ispejjeż imma anki t-tul ta’ żmien.  Naħseb tajjeb li l-pubbliku jkun jaf kemm dan l-aħħar snin kien hemm każi li nqatgħu f’seduta waħda?  

Dan barra l-fatt tad-deċiżjonijiet li llum saru qieshom deċiżjonijiet tal-qrati tagħna li l-pubbliku in ġenerali ma jifhimhomx.  Dan bħala Għaqda nafuh għax mhux l-ewwel darba li jiġi xi ħadd u jitlobna infehmuh kif l-arbitru wasal għad-deċiżjoni.  

Dawn l-affarijiet illum tant saru kkomplikati li fil-maġġoranza tal-ilmenti li jkollu konsumatur, dan ma jkomplix jirsisti biex jieħu d-drittijiet tiegħu.  Minħabba dawn il-kumplikazzjonijiet, spejjeż u tul ta’ żmien qed jiġri li ħafna drabi d-drittijiet tal-konsumaturi jinsabu biss fil-liġi għax fir-realta’, il-konsumatur ma jaqbillux!

Inkun ċar li l-istruttura tal-liġi hi tajba.  Biss fir-realta’ din ma teżistix.  

Sport