Sunday, December 22, 2024

Saħħa Mentali

Josianne Cutajar
Josianne Cutajar
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Bejn l-10 ta’ Mejju u s-16 ta’ Mejju, l-Ewropa ngħaqdet biex tqajjem kuxjenza dwar is-Saħħa Mentali. Inizjattiva li għandha l-għan li turi l-importanza tas-saħħa mentali fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Din hija t-tieni sena li l-Ewropa qed tiddedika ġimgħa sħiħa għal dan il-għan. It-tema magħżula din is-sena, “Mental Health Matters”, tiġbed l-attenzjoni fuq is-saħħa mentali bħala kwistjoni tas-soċjetà kollha kemm hi, u wkoll bħala waħda importanti għal kulħadd matul dan iż-żmien ta’ pandemija li għexna u qed ngħixu.

Tajjeb li nifhmu li s-saħħa mentali tinkludi l-benesseri emozzjonali, psikoloġika u soċjali tagħna. Dan jaffettwa kif naħsbu, inħossu, u naġixxu. Tgħin ukoll biex tiddetermina kif nittrattaw l-istress, nirrelataw mal-oħrajn, u nagħmlu l-għażliet tagħna. Is-saħħa mentali hija importanti f’kull stadju tal-ħajja, mit-tfulija u l-adolexxenza, sal-età adulta.

Għidtha kemm-il darba, li l-pandemija ħalliet effetti fuq kulħadd. U wieħed minn dawn l-effettti huwa fuq is-saħħa mentali. Niftakru li kif faqqgħet il-pandemija, familji sħaħ litteralment invadew il-ħwienet biex jimlew id-djar b’dak li ħasbu li kien xiri essenjzali. Dan u eżempji oħra juri kif fil-Maltin ukoll kien hemm żieda fil-livelli ta’ ansjetà, li naturalment taffettwa s-saħħa mentali.

Riżultat tal-pandemija, ix-xogħol u l-istudju mid-dar sar in-normalità għal ħafna ħaddiema u studenti. Madankollu, dan il-post ‘ġdid’ tax-xogħol u studju grazzi wkoll għat-teknoloġija, filwaqt li kellu l-pożittiv tiegħu għax ta ċerta flessibilita’, mill-banda l-oħra ċajpar il-konfini bejn ix-xogħol u l-ħajja domestika, naqqas mis-soċjalizzazzjoni u għal uħud ħoloq sfidi ta’ saħħa mentali. 

Għal studenti universitarji l-kamra tas-sodda tagħhom saret l-uffiċċju tagħhom, sala tal-lekċers, librerija u post fejn jistrieħu. Hemm ħafna eżempji oħra ta’ kif il-ħajja tagħna inbidlet minħabba l-pandemija, u dak li qabel forsi kien xi ħaġa imfittxija – li taħdem u tistudja mid-dar – illum sar parti mill-ħajja ta’ kuljum. Imma toħroġ mistoqsija importanti ferm f’dan l-isfond: X’inhuma l-effetti fit-tul ta’ dawn il-konfini mhux daqstant ċari, fuq is-saħħa mentali tal-istudenti?

L-istudenti mhux biss qed jesperjenzaw din is-sitwazzjoni ġdida, imma qed ikollhom effett ukoll fuq il-ħajja soċjali tagħhom – għaliex bil-miżuri li ttieħdu biex tkun protetta s-saħħa tal-poplu kollu, naqset ukoll il-ħajja soċjali, li hija tant importanti għall-iżvilupp tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. Ħadd minna, u ovvjament lanqas iż-żgħażagħ, ma kien imdorri b’attività soċjali tant ristretta u b’żieda tant kbira ta’ ħin ta’ ‘ħajja’ virtwali.

Dan minbarra effetti oħra fuq is-saħħa mentali li ġabet magħha l-pandemija li jinkludu iżolament, instabbilità finanzjarja u instabbilità fl-impjieg fil-qasam. 

Huwa diffiċli li f’dan l-istadju, wara sena mill-bidu tal-pandemija, tevalwa l-effetti fit-tul fuq is-saħħa mentali. Din hija sitwazzjoni pjuttost ġdida u l-letteratura dwar pandemiji tal-passat hija limitata, imma riċerka dwar konsegwenzi soċjali ta’ każijiet bħal dawn fuq skala kbira tgħidilna li rridu nistennew żieda fil-każi ta’ sitwazzjonijiet relatati ma’ saħħa mentali.

Importanti li nżommu f’moħħna li s-saħħa mentali kienet kwistjoni ta’ politika pubblika ħafna qabel il-pandemija. Hu minnu wkoll li kien hemm bżonn ta’ ħafna aktar attenzjoni u politika effettiva fir-rigward sa minn qabel il-pandemija li aggravat sitwazzjoni diġà diffiċli. Biss biss, statistika tal-2016 turina li wieħed minn kull 6 persuni fl-Ewropa – 84 miljun persuna – kienu affettwati minn xi tip ta’ sitwazzjoni ta’ saħħa mentali.

B’mod ġenerali naħseb li għad fadal ħafna xi jsir fil-mod kif nittrattaw kwistjonijiet ta’ saħħa mentali. L-ewwel u qabel kollox, hija kwistjoni ta’ approċċ. Hemm bżonn ta’ ħafna aktar kuxjenza dwar l-importanza li nieħdu ħsieb is-saħħa mentali tagħna u wkoll li nindirizzaw l-istigma li dan il-qasam għadu jġorr miegħu. Hemm bżonn aktar ħidma biex tinbidel l-attitudni. Hemm triq twila quddiemna u nkunu wasalna biss jekk kulħadd jibda jieħu ħsieb is-saħħa mentali tiegħu daqs kemm jieħu ħsieb is-saħħa fiżika tiegħu.

Hawn nixtieq nislet il-pożizzjoni valida ta’ Dr Sandro Galea, Malti li bħalissa huwa d-Dekan tal-Boston University School of Public Health, u li saħaq li l-pandemija qed tagħtina l-opportunita’ li npoġġu s-saħħa mentali fuqnett tal-aġenda politika: 

“Dan huwa mument diffiċli fiż-żmien imma joffri l-opportunità li nħarsu sew lejn kif nipprovdu l-ewwel għajnuna psikoloġika u l-kura tas-saħħa mentali ffukata fuq il-prevenzjoni, fuq livell ta’ popolazzjoni, u għalhekk fuq livell nazzjonali, u biex noħorġu minn din il-pandemija b’modi ġodda ta’ kif nagħmlu dan. Il-pandemija dinjija u l-isforzi biex din titrażżan, jirrappreżentaw theddida unika, u rridu nirrikonoxxu ‘pandemija’ li se ssegwi – dik tas-saħħa mentali u tal-imġieba tagħna lkoll – u għalhekk għandna nimplimentaw dak meħtieġ biex intaffuha”.

Fir-rigward il-politika u ħidma f’waqtha, u b’mod effettiv, tal-istituzzjonijiet lokali u Ewropej hi essenzjali. Il-Gvern Malti kien ressaq Strateġija Nazzjonali dwar is-saħħa mentali fl-2019, sew qabel ma faqqgħet il-pandemija. Kuntenta ferm li fost dak previst mill-Istrateġija Nazzjonali tagħna, hemm enfasi qawwija fuq il-promozzjoni tas-saħħa mentali fl-iskejjel. Dan jgħin biex tinbena kuxjenza, tingħeleb l-istigma u dak li jkun jieħu ħsieb is-saħħa mentali fi stadju aktar bikri.

Fuq livell Ewropew qed nimbuttaw għal aktar azzjoni effettiva fuq is-suġġett. Bħala membru tal-Alleanza għas-Saħħa Mentali tal-Membri Parlamentari Ewropej, ingħaqadt ma’ inizjattiva li ħadna li permezz tagħha qed nitolbu lill-Kummissjoni Ewropea biex tiddikjara s-sena 2023 bħala sena dedikata għas-Saħħa Mentali. Dan anke fl-isfond li s-saħħa mentali u l-politiki relatati għandhom prijorità relattivament baxxa madwar l-Unjoni Ewropea.

Is-saħħa mentali għandha tkun prijorità bil-fatti. Hemm bżonn azzjoni konkreta. Għal dan il-għan se nkompli naħdem bis-sħiħ.

Aqra aktar fuq www.socialistsanddemocrats.eu/ u www.josiannecutajar.com

Ekonomija

Sport