Friday, May 30, 2025

Saħħa mentali

Aqra wkoll

Qasam soċjali fejn pajjiżna baqa’ u għadu jwettaq progress sostanzjali hu dak tas-saħħa. Il-gvernijiet kollha imma speċjalment il-gvern Laburista baqgħu jtejbu u jinvestu f’faċilitajiet u personnel li wasslu għal livelli ta’ kura li jikkomparaw tajjeb ma’ ta’ pajjiżi oħra Ewropej. Li għad baqa’ problemi hu minnu, bħal fin-nuqqas ta’ biżżejjed paramediċi. Biss, anke hawn, meta tqabbel ma’ problemi li jeżistu f’inħawi oħra tal-Ewropa, qed nilqgħu għalihom b’suċċess akbar minn ta’ ħaddieħor (anke jekk din mhijiex konsolazzjoni).

F’settur wieħed nissuspetta li bqajna lura anke jekk isir ħafna diskors dwar l-importanza tiegħu fis-soċjetà moderna, u anke jekk baqgħu jintefqu flejjes kbar fuqu: is-saħħa mentali. Jissemma ta’ spiss l-isptar li kellu jinbena ġdid għal das-settur u li għadu fuq l-ixkaffa. Barra minn hekk u forsi aktar importanti, niftakar ukoll il-premura li kienet issir fi snin imgħoddija dwar il-ħtieġa ta’ liġi organika ġdida dwar is-saħħa mentali. Dejjem se ssir dil-liġi u sa fejn naf, baqgħet ukoll fuq l-ixkaffa.

IL-BBC

Aħbar interessanti li l-BBC qed jaħseb biex jaqleb is-servizzi televiżivi tiegħu biss għal fuq l-internet. Ir-raġunijiet huma teknoloġiċi, finanzjarji u soċjoloġiċi – mad-dinja kollha milli jidher, il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ ftit għadhom jaraw televiżjoni.

Nistħajjel li dak li qed iseħħ fil-BBC se jkun qed jiġri wkoll f’pajiżi oħra, inkluża Malta. Matul il-ħajja ta’ bniedem, anzi anqas, fil-mezzi tal-kumnikazzjoni soċjali seħħew bidliet enormi. Fuq kollox it-televixin l-ewwel waddab ir-radjo fil-ġenb, imbagħad daħal f’kull rokna tal-ħajja, imbagħad minn griż sar kulurit, wara qaleb għal “cable” sakemm issa se jmur għall-wifi, fejn jikkompeti ma’ mezzi oħra ta’ xandir li tfasslu espressament biex jilqgħu għall-aspettattivi tal-utenti “elettroniċi”. Mhux bħall-BBC u kanali oħra ta’ televixin li oriġinarjament telqu minn binarju kompletament differenti.

MEKKANIŻMU

 L-hekk imsejjaħ Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà serva bħala kolonna ewlenija fid-difiża tal-munita tal-ewro mis-sena 2012 lil hawn. Fi żmien ta’ kriżi, qiegħed lest biex joffri lill-gvernijiet tal-ewro meta jersqu wisq qrib ix-xifer, għajnuna finanzjarja permezz ta’ self qawwi ħafna. Imma jinsisti wkoll li min jirċievi l-fondi jaddotta l-miżuri iebsa li l-Mekkaniżmu jimponilu.

Kemm ilu jitħaddem l-Mekkaniżmu, l-ebda pajjiż tal-ewro ma kkrolla. Jintqal li anke l-fatt li jeżisti l-Mekkaniżmu serva waħdu biex l-ebda kriżi ma tikkarga. Biss hemm punt kurjuż fil-biċċa: sal-lum l-Italja baqgħet tirrifjuta li tirratifika l-ftehim tal-Mekkaniżmu. Dan għax it-Taljani jqisu li jimponi miżuri li jimminaw għal kollox is-sovranità ta’ pajjiż.  Ma jidhirx li dil-qagħda se tinbidel fix-xhur li ġejjin. Hemm ħafna x’tixtarr fil-pożizzjoni Taljana.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport