Thursday, December 19, 2024

SAJF IMŻEWWAQ BIL-FESTI

Tradizzjoni li tagħmel parti mill-identità, il-kultura u l-ħajja tal-poplu Malti - l-Opinjonista Anthony Agius Decelis

Aqra wkoll

Issa li bdejna s-sajf 2023, b’ottimiżmu naraw li se jkollna sajf b’saħħtu għall-ekonomija Maltija, kif ukoll sajf mimli attivitajiet għal Maltin u l-Għawdxin, kif ukoll għat-turisti li jżuru pajjiżna.

Ma tistax issemmi s-sajf Malti u ma ssemmix il-festi tal-ibliet u l-irħula Maltin. Il-festi li huma parti mill-identità tagħna, mill-kultura ħajja tal-poplu tagħna. Wieħed jirrealizza li l-festi mhux biss jgħaqdu lill-poplu u l-komunitajiet tagħna biex jiċċelebraw l-aspett spiritwali u tradizzjonali tal-festi tagħna, iżda wkoll huma vetrina ta’ talenti tal-poplu tagħna.

Kull meta nitkellem mat-turisti li jżuru pajjiżna u għall-ewwel darba jgawdu xi festa Maltija jibqgħu mistagħġba għall-mod ta’ kif il-festi tagħna jkunu mżewqin b’kollox. Iktar u iktar jibqgħu mistgħaġba meta tgħidilhom li dan kollu qiegħed isir b’mod volontarju u l-volontiera jagħmlu dan b’tant dedikazzjoni u mħabba wara l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom.

Inkomplu naħdmu biex jissaħħu

Nemmen li għandna nkomplu naħdmu biex naraw li dawn it-tradizzjonijiet, kif ukoll l-volontarjat fil-qasam kulturali ta’ pajjiżna, jibqgħu jissaħħu. Rajna kif Gvern Laburista jirrikonoxxi l-ħidma li tkun qiegħda ssir fis-skiet wara l-bibien tal-każini tal-baned tagħna, wara l-bibien tal-għaqdiet tal-armar, il-kmamar tan-nar u bosta postijiet oħra li fihom ssib tant volontiera li jaħdmu biex bħala poplu nkunu nistgħu ngawdu dawn it-tradizzjonijiet hekk sbieħ.

Iżda mhux biss jirrikonoxxi, iżda wkoll qiegħed jgħin b’mod finanzjarju, anke permezz ta’ skemi, biex dawn l-organizzazzjonijiet volontarji jkunu jistgħu jkomplu jsaħħu l-ħidma kreattiva tagħhom.

Dawn it-tradizzjonijiet jiġbdu ukoll it-turisti lejn pajjiżna għax jafu li dak li se jaraw f’pajjiżna huwa uniku. Il-fatt li jistgħu jesperjenzaw it-tradizzjonijiet Maltin u jaraw spettakli ta’ arti, inkluż ta’ logħob ta’ nar mingħajr ħlas, għalihom hija esperjenza unika li żgur ma jinsew qatt, kif ukoll ikunu jistgħu jaqsmu dak li jkunu raw f’pajjiżna mal-ħbieb u qraba tagħhom ’il bogħod minn xtutna.

Attivitajiet li jolqtu l-gosti ta’ kulħadd

Matul dan is-sajf se nkunu nistgħu wkoll ngawdu l-attivitajiet varji li l-Kunsilli Lokali mxerdin madwar Malta u Għawdex se jkunu qegħdin jorganizzaw. Attivitajiet bħal dawn nemmen li huma importanti għax ikomplu jgħaqdu l-komunitajiet tagħna u bihom inkunu qegħdin ukoll nilħqu lil kulħadd, speċjalment lill-anzjani tagħna li tradizzjonalment imdorrijiet li filgħaxijiet jinżlu fil-pjazzez Maltin jissoċjalizzaw mal-ħbieb u l-qraba tagħhom.

Nistgħu ngħidu li l-attivitajiet li se nkunu qegħdin ngawdu f’dan is-sajf verament jolqtu l-gosti ta’ kulħadd, inkluż taż-żgħażagħ tagħna, fejn għal sena oħra l-Fosos tal-Furjana mistenni jilqa’ numru kbir ta’ żgħażagħ biex isegwu l-artisti lokali u internazzjonali fl-Isle of MTV Malta.

Festival bħal dan nemmen li huwa importanti għax jagħti opportunità lill-artisti Maltin jesebixxu l-arti tagħhom, fuq pjattaforma daqstant popolari, li fiha naraw ukoll il-parteċipazzjoni ta’ artisti barranin li barra minn xtutna trid tħallas prezz għoli biex tkun tista’ tara l-ispettakli bħalhom.

Nemmen li dan kollu jkompli juri li se jkollna sajf mimli attivitajiet li bihom nistgħu naraw lil poplu tagħna jerġa’ jgawdi l-iljieli sajfin bħal ma niftakru qabel il-pandemija, kif ukoll naraw l-ekonomija tagħna tkompli tissaħħaħ grazzi għal kummerċ u t-turiżmu li jiġġenera dan iż-żmien tas-sena.

“Kull meta nitkellem mat-turisti li jżuru pajjiżna u għall-ewwel darba jgawdu xi festa Maltija jibqgħu mistagħġba għall-mod ta’ kif il-festi tagħna jkunu mżewqin b’kollox. Iktar u iktar jibqgħu mistgħaġba meta tgħidilhom li dan kollu qiegħed isir b’mod volontarju u l-volontiera jagħmlu dan b’tant dedikazzjoni u mħabba wara l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom.”

Ekonomija

Sport