Friday, May 17, 2024

INIZJATTIVI U SFORZI KONTRA L-ABBUŻ MID-DROGA

Aqra wkoll

Hekk kif illum qed jiġi ċċelebrat il-Jum Internazzjonali kontra l-Abbuż mid-Droga u t-Traffikar Illeċtu, f’pajjiżna qegħdin jittieħdu passi b’liġi biex jonqos l-abbuż mid-droga. Turija ċara ta’ dan hija l-aħħar leġiżlazzjoni dwar l-użu responsabbli tal-kannabis.

Din kienet riforma ewlenija li mexxa ’l quddiem Gvern Laburista, li mmarkat bidla sinifikanti fil-mod ta’ kif is-soċjetà tħares lejn dan is-suġġett. Fl-istess waqt, wasslet ukoll għal bidla fil-mentalità fejn il-liġi m’għadhiex tqis bħala kriminali lil dawk li jagħmlu użu mill-kannabis f’ammont limitat.

F’dan il-qasam, Malta serviet ta’ xprun għal pajjiżi oħra Ewropej fosthom il-Ġermanja li se tadotta liġi simili ħafna għal dik li għaddejna f’pajjiżna. Fil-fatt, diversi delegazzjonijiet Ġermaniżi kellhom diskussjonijiet mal-awtoritajiet rilevanti f’Malta minħabba f’din il-liġi.

F’dan il-kuntest, wieħed ma jistax ma jinnotax l-enfasi li qiegħda ssir fuq ‘harm reduction’ u dan qed isir b’miżuri riġidi, kontinwament sorveljati u aġġornati mill-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis.

Jidher ukoll li l-miżuri li qed jittieħdu, qed iħallu l-frott mixtieq tant li qed jiżdiedu dawk li qed jidħlu għal programm ta’ riabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga u jlestuh b’suċċess u jagħtihom iċ-ċans jerġgħu jidħlu fil-komunità li jagħmlu parti minnha.

Il-ġimgħa li għaddiet, waqt iċ-ċerimonja ta’ gradwazzjoni għal dawk li temmew b’suċċess dan il-programm li kien organizzata minn Caritas Malta, smajna bi stejjer ta’ nies li kellhom dipendenza kbira fuq id-droga, oħrajn li qattgħu snin twal il-ħabs minħabba d-droga u saħansitra kien hemm persuna li qalet li ma setgħet qatt timmaġina ħajjitha mingħajr sustanzi.

Iżda b’determinazzjoni u rieda soda dawn l-individwi rnexxielhom jirbħu fuq din id-dipendenza tant li llum il-ġurnata, wara vjaġġ twil ta’ rkupru, waslu fejn kellhom jas- lu. Irridu nirrikonoxxu li dak li għamlu dawn l-individwi huwa pass kuraġġuż, u li rrikjeda ħafna sagrifiċċji. Imma wieħed dejjem għandu jibqa’ jħares ’il quddiem u jemmen li b’dak li se jagħmel, meta jidħol f’dan il-programm, se jservi ta’ ġid kbir għalih u anke għal dawk ta’ madwaru.

Għalhekk, minn dawn il-kolonni, nibqgħu nħeġġu sabiex inizjattivi bħal dawn ikomplu għaddejjin, anke fid-dawl tal-fatt li l-ammont ta’ nies li qegħdin jersqu ’l quddiem minħabba s-sustanzi qed ikun wieħed sostanzjali.

Sport