Is-sajf għadda, l-iskejjel reġgħu fetħu l-bibien tagħhom u fi ftit ġimgħat oħra nerġgħu naqilbu s-siegħa għall-ħin tax-xitwa. Bil-mod il-mod, ilkoll nerġgħu nidħlu fir-rutina tagħna. U hekk ukoll il-Parlament, li nhar it-Tnejn jerġa’ jiftaħ il-bibien tiegħu wara l-waqfa tas-sajf.
Għalija, iżda, dan ir-ritorn għandu tifsira partikolari. Huwa pass ieħor f’kapitlu ġdid ta’ ħajti li beda ftit tax-xhur ilu u li dan is-sajf tani ċ-ċans nieqaf ftit, nirrifletti fuqu u nħares ’il quddiem lejn dak li għad irid jiġi.
Dan kien sajf importanti ħafna għalija, kemm fuq livell personali kif ukoll professjonali. Wara diversi snin ngħix u naħdem barra minn Malta, bejn Brussell, Strasburgu u New York, ġejt lura f’pajjiżi u dħalt mill-ewwel f’ritmu kompletament differenti. Bilkemm kont ilħaqt issetiljajt li ma sibtx ruħi fil-qalba ta’ kampanja elettorali, niltaqa’ man-nies, indur it-toroq u nerġa’ nersaq qrib il-komunitajiet tagħna. Wara l-elezzjoni, is-sajf tani ftit taż-żmien biex nieħu r-ritmu tal-ħajja l-ġdida tiegħi f’Malta – nerġa’ nidħol fil-professjoni tiegħi ta’ avukat u, fuq kollox, nibda nifhem u ngħix aktar mill-qrib ir-responsabbiltà ġdida tiegħi bħala Membru Parlamentari.
Kull bidla titlob żmien ta’ adattament. Imma dan is-sajf tani wkoll l-opportunità li nirrifletti fuq il-mixja tiegħi s’issa u, fuq kollox, fuq dak li nixtieq nagħti lura lil pajjiżi.
Is-snin li qattajt barra minn xtutna kienu esperjenza imprezzabbli. Kelli l-opportunità naħdem f’ambjenti Ewropej u internazzjonali, niltaqa’ ma’ realtajiet differenti u nifhem aktar mill-qrib kif jittieħdu deċiżjonijiet li jolqtu lill-pajjiżi u liċ-ċittadini tagħhom. Dik l-esperjenza għenitni nikber, kemm professjonalment kif ukoll personalment, u llum inħoss li nista’ nġib dak li tgħallimt miegħi fil-ħidma parlamentari tiegħi.
Iżda ż-żmien barra minn Malta għallimni wkoll xi ħaġa oħra: bħal Malta m’hawnx.
Meta tgħix barra, forsi tifhem aktar il-valur ta’ dak li kultant nieħdu bħala fatt. Il-familja, il-ħbieb, il-komunitajiet tagħna, il-mod kif ngħixu u dik is-sensazzjoni ta’ appartenenza li pajjiżek biss jista’ jagħtik.
Għalhekk illum napprezza aktar ukoll il-ħidma tal-mijiet ta’ Maltin u Għawdxin li jaħdmu barra minn xtutna fl-istituzzjonijiet Ewropej u internazzjonali. Huma nies li, ħafna drabi ’l bogħod mill-familji u l-ħbieb tagħhom, qed jagħtu kontribut importanti u jirrappreżentaw lil pajjiżna f’oqsma differenti. Naf mill-esperjenza personali li mhux dejjem faċli tkun ’il bogħod minn darek u minn dawk l-aktar qrib tiegħek. Il-kontribut tagħhom għal Malta jistħoqqlu r-rikonoxximent tagħna.
Illum, iżda, il-ħarsa tiegħi hija ’l quddiem.
Ir-ritorn tal-Parlament ifisser fażi ġdida ta’ ħidma. Ninsab determinata li nkompli nitgħallem, naħdem u nagħti sehmi, kemm fil-Kamra tad-Deputati kif ukoll barra minnha. Għax nemmen li l-ħidma ta’ Membru Parlamentari ma tibdiex u ma tispiċċax fil-Parlament.
Il-politika tibqa’ fuq kollox ħidma man-nies u għan-nies.
Għalhekk se nkompli nkun fit-toroq u fil-komunitajiet tagħna, niltaqa’ mal-kostitwenti, nisma’ l-esperjenzi tagħhom u nifhem aħjar l-isfidi li jiltaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum. Irrid nibqa’ disponibbli għal min ikollu bżonn l-għajnuna, għal min irid iwassal suġġeriment jew tħassib, u anke għal min sempliċement jixtieq li xi ħadd jisimgħu.
Għalija, din hija parti essenzjali mir-responsabbiltà li ġġib magħha l-fiduċja tan-nies.
Il-ġimgħat u x-xhur li ġejjin se jkunu intensi. Quddiemna għandna aktar ħidma parlamentari, aktar diskussjonijiet u aktar deċiżjonijiet li rridu nieħdu fl-interess tal-pajjiż. Il-ħidma tal-Gvern tkompli biex nibnu fuq dak li nkiseb u nkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji tagħna u l-opportunitajiet li noffru lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Jiena se nagħti sehmi f’din il-ħidma bl-istess impenn li wassalni tul il-mixja professjonali tiegħi. Iżda issa b’responsabbiltà differenti: dik li nirrappreżenta lin-nies fil-Parlament ta’ pajjiżi.
U din il-ħidma ma ssirx biss fil-Parlament. Se nkompli biż-żjarat tiegħi fid-djar, qalb il-kostitwenti, niltaqa’ man-nies u, fuq kollox, nisma’. Għax huwa meta tkun man-nies, titkellem magħhom u tisma’ r-realtajiet li jgħixu ta’ kuljum, li tista’ tifhem aħjar fejn hemm bżonn li naħdmu aktar u fejn tista’ tkun tassew ta’ għajnuna.
Nhar it-Tnejn nerġgħu lura fil-Parlament. Se nkun hemm b’enerġija u b’entużjażmu, lesta għal aktar ħidma u aktar impenn, fil-Parlament u qalb in-nies, għal Malta u Għawdex aħjar.

