Tanya Gravina laħqet tragward importanti fil-karriera tagħha meta serviet bħala Match Manager tat-team nazzjonali Malti għall-100 darba fil-logħba tal-UEFA Nations League kontra Ġibiltà.
Il-vjaġġ tagħha f’dan ir-rwol beda fit-8 ta’ Settembru 2007, meta Malta ospitat lit-Turkija fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali f’logħba mill-kwalifikazzjoni għall-Euro 2008. Dik il-partita spiċċat fi draw ta’ 2-2, b’Brian Said u Andre Schembri jiskorjaw għal Malta.
Minn dak iż-żmien, Gravina saret preżenza kostanti wara l-kwinti fil-logħbiet internazzjonali Maltin, bil-maġġoranza tal-100 logħba tagħha jsiru fl-Istadium Nazzjonali.
Ir-rwol tagħha ma kienx limitat għall-logħbiet f’Malta, hekk kif f’diversi okkażjonijiet Malta kienet uffiċjalment t-team ospitu minkejja li l-logħba kienet tintlagħab barra minn pajjiżna.
Għaldaqstant, Gravina wettqet ir-responsabbiltajiet tagħha fi grounds u pajjiżi differenti, filwaqt li żgurat li l-obbligi organizzattivi ta’ Malta jiġu ssodisfati.

Ix-xogħol ta’ Match Manager jibda ferm qabel il-logħba, b’Gravina involuta f’laqgħat organizzattivi, koordinazzjoni mal-UEFA, l-assoċjazzjoni avversarja u d-dipartimenti differenti. Fil-ġurnata tal-logħba, hija tiżgura li l-proċeduri kollha jiġu segwiti u li l-koordinazzjoni bejn it-timijiet, l-uffiċjali, id-dokumentazzjoni u l-partijiet kollha involuti timxi bla xkiel.
Ir-rwol jirrikjedi organizzazzjoni, attenzjoni għad-dettall, komunikazzjoni u l-kapaċità li tibqa’ kalma taħt pressjoni. Matul dawn il-100 logħba, Gravina ħadmet ma’ plejers, coaches, uffiċjali tal-logħob, rappreżentanti tal-UEFA u assoċjazzjonijiet differenti, u tat kontribut importanti biex il-logħbiet internazzjonali ta’ Malta jkunu organizzati b’mod professjonali.
Dsatax-il sena wara l-ewwel ħatra tagħha, Gravina kompliet tkun waħda mill-uċuħ ewlenin minn wara l-kwinti fil-logħbiet internazzjonali ta’ Malta.




