Il-Kampjonat tat-Tieni Diviżjoni tal-MAFA għall-istaġun 2026/27 beda fi tmiem il-ġimgħa fil-grawnd ta’ Marsaxlokk b’Sliema NB u Naxxar Victorians jiksbu l-ewwel rebħiet tagħhom tal-istaġun, filwaqt li Gudja Wanderers u San Ġwann Pro Evolution Academy setgħu jiġu biss fi draw.
Sliema NB 2–1 Gżira Black Bulls
Fi dwell bejn it-timijiet il-ġodda tal-MAFA Sliema NB kellhom bidu mill-aqwa hekk kif għelbu lil Gżira Black Bulls bl-iskor ta’ 2-1 f’partita interessanti.
Kien Geraldo Rosa Bernardo Manuel li poġġa lil Sliema fil-vantaġġ wara 14-il minuta logħob. Madankollu, Gżira wettqu reazzjoni u fis-27 minuta kisbu l-gowl tad-draw meta Xabier Ferri Marquez ma żbaljax mill-11-il metru. B’hekk iż-żewġ timijiet daħlu jistrieħu fi tmiem l-ewwel taqsima fi draw ta’ 1-1.
Sliema reġgħu marru fil-vantaġġ fl-54 minuta permezz ta’ Cristian Jose Fernandez. Dan il-gowl kellu jkun deċiżiv hekk kif Sliema żammew ir-riżultat sat-tmiem u kisbu l-ewwel tliet punti tagħhom fil-kampjonat.
Ir-referee tal-partita kien Thomas Debono.
Naxxar Victorians 1–0 Ħamrun Sporting
Naxxar Victorians ukoll bdew l-impenji tagħhom fil-kampjonat b’riżultat pożittiv meta kisbu rebħa minima ta’ 1-0 kontra Ħamrun Sporting.
Il-gowl waħdieni ta’ konfront bilanċjat wasal fit-42 minuta permezz ta’ Tijane Sowe, biex Naxxar daħlu jistrieħu fil-vantaġġ.
Ħamrun Sporting, li dan l-aħħar kisbu wkoll esperjenza internazzjonali permezz ta’ partita kontra Skiathos fil-Greċja, ippruvaw iwettqu reazzjoni u jsibu l-gowl tad-draw. Madankollu, Naxxar għarfu jiddefendu tajjeb il-vantaġġ tagħhom u żammew ir-riżultat sat-tisfira finali biex kisbu l-ewwel tliet punti tal-istaġun.
Il-partita kienet ikkontrollata mir-referee Gjegji Bitri.
Gudja Wanderers 0–0 San Ġwann Pro Evolution Academy
L-ewwel partita tal-programm bejn Gudja Wanderers u San Ġwann Pro Evolution Academy spiċċat mingħajr gowls.
Kienet logħba fejn id-difiżi rispettivi kienu dominanti fuq l-attakkanti sabiex eventwalment ħadd ma rnexxielu jiskorja.
Lorry Sammut kien ir-referee ta’ din il-partita.
Intant, Balluta Barracudas kienu t-tim li kellu l-bye fl-ewwel ġurnata tal-kampjonat, li din is-sena qed ikun ikkontestat minn seba’ timijiet.




