Sakemm ma tinqalax xi kriżi mill-kbar, das-sajf għandu jkun rekord turistiku, bin-numru ta’ persuni li jaslu u fil-flus li jonfqu. Bilfors wieħed jifraħ b’riżultat hekk u jittama li jibqa’ jinżamm.
Xorta jqumu mistoqsijiet dwar lejn fejn qed timmira l-istrateġija turistika tal-pajjiż. Ingħidu li rridu nrażżnu t-tkabbir turistiku u nidderiġuh aħjar biex iħalli warajh valur ekonomiku akbar; li jagħmel sens. Jekk il-gżejjer tagħna jispiċċaw fgati bil-viżitaturi, jitlef kull preġju.
Sadattant, jibqgħu jiżdiedu l-pjani biex jittellgħu lukandi ġodda. L-istatistika turi li f’din il-geġwiġija ta’ turisti li qed jaslu fostna, parti sostanzjali minnhom qed tmur mhux f’lukandi, imma f’appartamenti privati għall-kiri ta’ ftit żmien (kif qed jiġri tista’ tgħid mal-Ewropa kollha). Tar-Ryan Air iħabbru miri sensazzjonali għan-numri ta’ turisti li jridu jġibu hawn.
Fis-settur turistiku mhijiex tinżamm koerenza bejn dak li qed jiġri jew jitħalla jiġri, u l-miri li jissemmew għalih.
TLIET SALTNIET
Ħabib li jiddeletta bil-letteratura saqsieni, “Għaliex ħallejna rumanzi tal-ewwel nofs tas-seklu li għadda jintesew?” Ma nafx kemm kellu raġun jgħid dan. Semmejtlu “Leli ta’ Ħaż-Żgħir”, “Ulied in-Nanna Venut” u rumanzi miktuba fis-snin erbgħin tas-seklu l-ieħor li reġgħu ġew mitbugħa dan l-aħħar.
Imma ġabli raġunijiet u eżempji biex isaħħaħ l-argument tiegħu. Fuq kollox semma “Taħt Tliet Saltniet” ta’ Ġuże Aquilina. Skond hu, minkejja d-difetti li jaralu, jixraqlu jitfakkar u jinqara, anke għall-ambizzjoni li l-kittieb juri fil-miri tiegħu. Filfatt veru, għalkemm meta kont żagħżugħ u anke wara, ir-rumanz kien punt ta’ referenza letterarja, illum m’għadux. Forsi dan ġara għax ir-rumanzi storiċi “romantiċi” ma baqgħux moda. Biss “Taħt Tliet Saltniet” ġie preżentat mill-kittieb bħala wieħed “storiku soċjali”.
“Forsi ntesa għax ħadd ma pprova jaqilbu għal xi lsien barrani,” kompla jgerger ħabibi. Ma nafx kemm għandu raġun dwar hekk.
SIGURTÀ
Għall-pajjiżi Ewropej tan-NATO, is-sigurtà Ewropea kienet ibbażata għal snin twal fuq sħubija stretta mal-Istati Uniti. Tal-aħħar kienu jiggarantixxu s-sigurtà Ewropea biex b’hekk ikunu jistgħu jilħqu l-miri “imperjali” tagħhom. Wara li l-Unjoni Sovjetika kkollassat, l-Organizzazzjoni ta’ Koperazzjoni u Sigurtà fl-Ewropa pprovidet il-qafas diplomatiku li fihom kellhom jitmexxew ir-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi Ewropej.
Meta r-Russja bdiet titqies mill-pajjiżi Ewropej tal-lvant bħala theddida għalihom, iddaħħlu fin-NATO. Ma tqiesx kemm ir-Russja setgħet tara dan l-iżvilupp bħala ta’ theddida għaliha.
Illum, il-qbil tal-Istati Uniti biex jappoġġjaw lin-NATO bla riżervi ta’ xejn m’għadux hemm. U bħala stat ta’ fatt imtenni, ir-Russja m’għadhiex tirrikonoxxi l-qafas “viġġenti” tal-koperazzjoni u sigurtà fl-Ewropa.
L-arkitettura ta’ sigurtà Ewropea qed tispiċċa binja bla pedamenti.