Friday, December 27, 2024

SAKEMM JISTGĦU JIBQGĦU JIŻDIEDU L-PREZZIJIET?

Aqra wkoll

F’kull ċirkostanza tal-ħajja, dak li jkun biex jgħix irid idaħħal idu fil-but. Minn hawnhekk wieħed ikun jista’ jiddetermina l-livell tal-għajxien tiegħu. L-għoli tal-ħajja dejjem kellu mpatt negattiv fuq il-but tan-nies tant li kull gvern irrikonoxxa dan u għalhekk minn sena għal oħra jaġġusta d-dħul finanzjarju tan-nies permezz tal-mekkaniżmu tal-COLA.

F’dawn l-aħħar xhur l-ikbar inkwiet għall-familji Maltin kien l-għoli fil-prezzijiet, anke minkejja s-sussidji li qiegħed jagħti l-gvern bil-għan li dawn jinżammu kemm jista’ jkun stabbli. Iżda li ma jistgħux jifhmu l-familji huwa l-fatt li minkejja s-sussidji l-oġġetti essenzjali baqgħu jogħlew fil-prezzijiet, anke dawk li mhumiex direttament mill-inflazzjoni.

Għandna għax nifhmu li l-intenzjoni tajba tal-gvern li għamel tajjeb hu għall-għoli ta’ ċertu prezzijiet, speċjalment dawk essenzjali, donnha sfumat fix-xejn kaġun ta’ inflazzjoni artifiċjali. Dan seħħ minħabba li ċertu ħwienet għollew huma l-prezzijiet minn jeddhom.

Huwa fatt li l-gwerra li feġġet bl-invażjoni Russa fl-Ukrajna ħalliet effett qawwi ħafna fuq l-inflazzjoni. Imma issa jidher li l-għoli tal-prezzijiet fl-Ewropa beda jbatti anke kif imbassar mill-Kummissjoni Ewropea mhux l-inqas l-inflazzjoni f’Malta. Madanakollu l-istorja turina li ladarba l-prezz ta’ oġġett jew servizz ikun għola, jibqa’ bl-istess prezz anke meta l-inflazzjoni tonqos.

Dan huwa fenomenu li x’aktarx m’hemmx rimedju għalih billi l-kontroll tal-prezzijiet f’pajjiżna huwa xi ħaġa tal-imgħoddi iktar u iktar minn wara li pajjiżna ssieħeb fl-Unjoni Ewropea u kellu jaderixxi mar-regoli tas-suq ħieles li ma jippermettix kontroll tal-prezzijiet mill-istat u jħalli kollox għar-regoli tal-kompetizzjoni. Imma l-esperjenza wrietna li meta s-suq tħalla jsuq aktar iva milli le ħoloq ġungla fil-prezzijiet.

Dan kollu jħalli effett negattiv fuq il-ħajja ta’ dawk iċ-ċittadini bl-inqas dħul. Nemmnu għalhekk li kienet għaqlija l-proposta li għamlet żmien ilu l-General Workers’ Union biex il-kumpens għall-għoli tal-ħajja jiġi rivedut darbtejn fis-sena. Għalhekk nemmnu wkoll li din il-proposta ta’ min jikkunsidraha bis-serjetà biex almenu l-kumpens ikun retroattiv b’sitt xhur u mhux b’sena kif inhu bħalissa. Nemmnu li din il-proposta tinħtieġ diskussjoni wiesgħa bejn l-imsieħba soċjali fl-aħjar interess tan-negozji u tal-familji Maltin u Għawdxin.

Irridu nżommu f’moħħna li l-konsum domestiku huwa wieħed mill-pilastri ewlenin għat-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż. Jekk kemm-il darba nibqgħu għaddejjin bl-inflazzjoni artifiċjali mhux biss jonqos il-konsum iżda jkun ta’ detriment għall-istess negozjanti li l-għajxien tagħhom huwa determinat mill-abbiltà tax-xiri tal-familji Maltin u Għawdxin. L-abbiltà tal-konsumatur tiddependi għal kollox fuq dak li l-konsumatur isib meta jdaħħal idejh fil-but.

Ekonomija

Sport