Il-blokk amministrattiv fl-Isptar Mater Dei se jkun qed jiġi trasferit għal post ieħor barra mill-Isptar sabiex dan l-ispazju jinbidel f’sala ġdida li tilqa’ bejn wieħed u ieħor 50 pazjent bi problemi ta’ mediċina u ta’ kirurġija.
Kien il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela li ħabbar dan f’intervista ma’ IT-TORĊA fejn semma kif b’dan l-iżvilupp, parti oħra f’Mater Dei li qabel il-Covid kienet tintuża bħala sala tal-psikjatrija, issa se terġa’ tingħata lura lill-psikjatrija.
“Il-Gvern huwa impenjat li ma jagħmilx distinzjoni bejn is-saħħa mentali u s-saħħa fiżika. L-ewwel pass huwa f’Mater Dei se jkun li nerġgħu nagħtu lura din is-sala tal-psikjatrija u għalhekk nagħtuha lura lis-servizzi tas-saħħa mentali,” tenna l-Ministru Abela.
Huwa qal ukoll li hemm pjanijiet biex ikun estiż id-Dipartiment tal-Emerġenza u anke biex jinbena blokk ġdid għal psikjatrija akuta fl-Isptar Mater Dei. Tenna li “dan huwa proċess li beda u għadu għaddej. Dak hu l-pjan fit-tul.”
Il-Ministru Abela semma wkoll kif ftit tal-ġimgħat ilu nfetħet Early Pregnancy Unit fl-Isptar Mater Dei għal persuni li jsofru minn korriment fil-perkors tat-tqala tagħhom. Apparti minn hekk, għaddej xogħol ta’ skavar biex ikun estiż id-Dipartiment tar-Radjoloġija.
“Mater Dei huwa post li l-ħin kollu jinbidel u bir-raġun għax huwa l-isptar primarju ta’ pajjiżna u rridu nkunu ċerti li jlaħħaq mad-domanda. Importanti wkoll il-konnessjoni bejn Mater Dei u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet bdejna nħaddmu l-helipad tal-Isptar Mater Dei biex persuni li jkun ġejjin b’emerġenza mill-Isptar t’Għawdex kemm jista’ jkun jirċievu trattament malajr. Fl-ewwel tliet xhur kien hemm ’il fuq minn 30 persuna li ġew bżonn dan is-servizz, dak ifisser ’il fuq minn 30 ħajja salvati. Issa hemm tender għal helipad ġdid fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex u dak se jkompli jnaqqas il-ħin ta’ trasferiment bejn iż-żewġ sptarijiet,” tenna l-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva.
Mitlub jelabora aktar dwar l-investiment li qed isir fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, il-Ministru Abela enfasizza li min mar riċentament f’dan l-isptar seta’ jinnota li l-gate m’għadhiex hemm biex it-trasferiment ta’ pazjenti jsir aħjar u jkun hemm immaniġġjar aħjar tat-traffiku. Qal li hemm il-ħsieb li fis-sit fejn kien hemm din il-gate, ikun hemm parkeġġ fil-parti t’isfel u dak huwa parti mill-pjanijiet fit-tul tal-Gvern għal dan l-isptar.
Il-pjan fl-immedjat huwa li jżidu l-kapaċità fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex biex joffru aktar servizzi akuti fosthom min jidħol b’emerġenza. “Nixtiequ li jkun hemm aktar spazju, il-popolazzjoni f’Għawdex żdiedet, il-popolazzjoni anzjana f’Għawdex żdiedet. Huwa xieraq li l-Gvern jaħseb biex is-servizzi ta’ emerġenza akuti jiżdiedu dejjem aktar,” qal il-Ministru Abela. “Se nespandu wkoll l-kapaċità operatorja li hemm fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Ħafna konsulenti qed jitilgħu f’dan l-isptar biex joffru servizz u rridu nkunu ċerti li jkollhom aktar spazju minn fejn joperaw.”
Dan l-aħħar beda jkun offrut servizz tal-MRI fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex flimkien ma’ servizz ta’ CT Scanner u dak ta’ ultrasound ġodda. Dawn qegħdin hemm biex primarjament jaqdu lill-poplu Għawdxi iżda jintużaw ukoll biex jittaffew il-listi ta’ stennija f’Malta. “Għal Għawdex hemm pjanijiet fl-immedjat u fit-tul biex is-servizzi dejjem jiżdiedu,” temm jgħid il-Ministru Abela.