Friday, December 27, 2024

Salman Rushdie jaqleb għall-aħjar imma xorta għadu f’qagħda kritika

Aqra wkoll

L-aħħar rapporti dwar il-kundizzjoni tal-awtur Salman Rushdie qed jgħidu li fl-aħħar sigħat huwa tneħħa minn fuq il-ventilatur u anke tkellem. Minkejja dan l-iżvilupp pożittiv, hu xorta waħda għadu jinsab f’kundizzjoni kritika. 

L-awtur ta’ 75 safa attakkat b’arma bil-ponta hekk kif kien qiegħed jagħmel diskors ġewwa New York. Rushdie kien ilu snin sħaħ jiġi mhedded b’ħajtu minħabba n-novella bl-isem ta’ The Satanic Verses, u dan hekk kif għadd ta’ Musulmani jqisuha bħala dagħwa.

B’rabta ma’ dan il-każ ġie arrestat raġel bl-isem ta’ Hadi Matar ta’ 24 sena u dan wieġeb mhux ħati tal-akkużi li tressqu fil-konfront tiegħu. L-allegat aggressur inżamm arrestat mingħajr il-possibbiltà ta’ parole. Matar qiegħed jiġi akkużat li tela’ fuq il-palk fejn Rushdie kien qiegħed jagħmel id-diskors tiegħu u tah xejn inqas minn 10 daqqiet b’arma bil-ponta. Hu laqtu f’wiċċu, f’għonqu u f’sidhru. 

Rapporti li ħarġu wara dan l-attakk kienu jgħidu li l-awtur sofra ħsara fin-nervituri ta’ id waħda, ħsara fil-fwied u anke jista’ jitlef għajn. 

Henry Reese, li kien se jintervista lil Rushdie waqt dan l-avveniment, sofra ġrieħi ħfief f’rasu. Reese hu l-kofundatur ta’ organizzazzjoni bla profitt li tagħti kenn lil awturi li jkunu qed jiffaċċjaw persekuzzjoni. Qabel dan l-attakk, Rushdie kien se jagħmel diskors qasir dwar kif l-Istati Uniti serviet bħala post ta’ kenn għal awturi bħalu. 

In-novella The Satanic Verses kienet ġiet ippubblikata fl-1988, u minħabba fiha Rushdie dam għaxar snin mistoħbi. Għadd ta’ Musulmani ħassewhom offiżi bil-kbir b’din in-novella għall-mod ta’ kif ġie deskritt il-Profeta Muhammad. Ta’ dan hu ffaċċja ħafna theddid fuq ħajtu, u saħansitra l-mexxej Iranjan ta’ dak iż-żmien Ayatollah Ruhollah Khomeini kien ħareġ fatwa – jew digriet – fejn sejjaħ għall-assassinju ta’ Rushdie u poġġa premju ta’ $3 miljun  għal min jirnexxilu. Ta’ min jgħid li din il-fatwa għadha attiva, u minkejja li l-gvern Iranjan tbiegħed mid-dig­riet ta’ Khomeini, fl-2012 fondazzjoni reliġjuża Iranjana żiedet $500,000 ma’ dan il-premju. 

Sa issa ftit li xejn hemm tagħrif fuq l-aggressur.

Ekonomija

Sport