Sunday, November 24, 2024

Salvati 400 qattus minn każi ta’ mard f’temp ta’ xahrejn

- Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Minn mindu tnediet il-kampanja tat-tiswija tal-qtates tat-triq, bl-għajnuna ta’ koordinatur, tal-veterinarji u ankè l-istudenti li qegħdin  jassistu f’din il-kampanja, ġew salvati 400 qattus minn każi ta’ mard li jistgħu jkunu suġġetti minħabba l-fatt li dawn jgħixu fit-toroq. 

Dan qalitu s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said f’kumment li tat lil dan is-sit

Hija semmiet kif f’Ġunju tnediet il-kampanja nazzjonali għat-tiswija u l-iċċippjar tal-qtates fit-triq fejn b’investiment ta’ €200,000 fis-sena, se jiġu indirizzati mal-5,000 qattus fis-sena.

Bugeja Said saħqet li l-klinika qiegħda topera darbtejn fil-ġimgħa, it-Tlieta u l-Ħamis u sa issa qed jiġu msewwija madwar 25 qattus fil-ġurnata bejn żewġ veterinarji. Żiedet tgħid li dan jitqies bħala numru ġust sabiex kull qattus ikun ħa l-attenzjoni meħtieġa sabiex il-proċedura ssir bl-aħjar mod possibli. 

Żiedet tgħid; “Minkejja kollox, xorta għadna qegħdin nesploraw u naħdmu biex intejbu din il-kampanja ankè fid-dawl tal-ġarr tal-qtates minn lokalitajiet differenti. Nieħu din l-okkażjoni sabiex nirringrazzja l-voluntiera varji li qegħdin impenjati f’din il-kampanja”.

Permezz ta’ din il-kampanja qiegħda titwettaq miżura oħra tal-baġit għas-sena 2024. Sa issa ġew implimentati diversi inizjattivi. Fost dawn hemm l-iskema tal-vawċers li qed issir b’koperazzjoni mal-feeders u mal-voluntiera fejn din is-sena diġà ġew imsewwija ’l fuq minn elf qattus.

Sport