L-attivista tad-drittijiet tal-bniedem Samantha Pace Gasan inħatret bħala l-Kummissarju l-ġdid dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika.
Is-Sa Pace Gasan se tkun qed tassumi r-responsabiltà ta’ din il-kariga wara sentejn u nofs isservi bħala Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità. F’dak l-irwol, hija ħadmet biex tkattar l-għarfien kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni lejn persuni b’diżabilità, bil-għan li jiġu mħarsa d-drittijiet tagħhom.
Speċjalizzata fil-politika soċjali, is-Sa Pace Gasan bdiet il-mixja tagħha fl-attiviżmu minn età żgħira, fosthom bħala parti mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, l-għaqda Studenti Ħarsien Soċjali u l-għaqda Network of Young Women Leaders. Kienet ukoll membru tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza u riċerkatriċi f’numru ta’ proġetti fi ħdan il-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta.
Bl-esperjenza u l-kompetenza tagħha, Samantha Pace Gasan se tkun qed tmexxi l-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika għall-passi importanti li jmiss biex tkompli tiġi miġġielda din il-pjaga soċjali.
Fl-aħħar snin saru diversi riformi importanti f’dan il-qasam, fosthom ir-rikonoxximent tal-femiċidju fil-kodiċi kriminali u riċentement l-introduzzjoni ta’ liġi li tagħti ċ-ċans lill-persuni biex, f’każ ta’ suspett raġonevoli, jiċċekkjaw jekk is-sieħeb jew sieħba tagħhom kienux instabu ħatja fuq vjolenza domestika fil-passat.
Iżda l-Gvern jemmen li fadal ħafna xogħol xi jsir u għalhekk il-ħatra ta’ Samantha Pace Gasan hija importanti biex tissaħħaħ il-ħidma tal-Kummissjoni, jiżdied it-taħriġ tal-professjonisti li jagħtu għajnuna lill-vittmi, u tkompli l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul biex in-nisa jkunu protetti minn kull forma ta’ vjolenza.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg awguraw lil Samantha Pace Gasan fil-ħidma ġdida tagħha filwaqt li rringrazzjaw lil Audrey Friggieri għas-servizz tagħha f’din il-kariga sa minn Frar 2020.