Id-difensur internazzjonali Franċiż, Samuel Umtiti, ħalla l-ground bid-dmugħ wara li l-Erbgħa, flimkien mal-kollega ta’ Lecce, Lameck Banda, sofrew abbuż razzist mill-partitarji ta’ Lazio fir-rebħa ta’ 2-1 valida mill-Kampjonat Taljan.
Ir-referee kellu jwaqqaf il-logħba fit-tieni taqsima minħabba t-tgħajjir razzist “li kien ġej mis-settur tal-viżitaturi okkupat minn partitarji ta’ Lazio.”
Id-difensur imwieled fil-Kamerun, Umtiti, li rebaħ it-Tazza tad-Dinja 2018 ma’ Franza u huwa misluf lil Lecce mingħand Barcelona, kien il-mira primarja tal-abbuż.
Il-partitarji ta’ Lazio ndirizzaw ukoll insulti razzisti lejn l-internazzjonali ta’ Żambja, Banda, matul l-ewwel taqsima.
Il-president ta’ Lecce, Saverio Sticchi Damiani, qal li r-referee waqqaf il-logħba u wara kien hemm appell lill-partitarji biex jieqaf l-abbuż.
Umtiti ta’ 29 sena ħareġ mill-ground jibki iżda fl-istess waqt ingħata ovazzjoni kbira mill-partitarji ta’ Lecce.
Lecce, li rebħu 2-1, wara faħħru lill-partitarji tagħhom talli wieġbu għall-abbuż billi kantaw isem Umtiti.
IlpPresident tal-FIFA, Gianni Infantino, wera s-solidarjetá u l-appoġġ tiegħu lejn Umtiti u Banda.
“Ejjew ningħaqdu u ngħidu: LE GĦAR-RAZZIŻMU! J’Alla l-maġġoranza kbira tal-partitarji, li huma nies tajbin, iqumu biex iwaqqfu dan ir-razziżmu darba għal dejjem!” kiteb f’post fuq Instagram.