Sarah Spiteri, Senior Youth Worker fl-Aġenzija Żgħażagħ, ġiet rikonoxxuta għat-tieni darba mill-Commonwealth bil-premju “Outstanding Contributions” għall-ħidma tagħha maż-żgħażagħ fir-Reġjun Ewropew tal-Commonwealth. Dan ir-rikonoxximent jikkonferma mhux biss il-ħidma individwali ta’ Spiteri, iżda wkoll l-importanza tal-professjoni tal-youth work, li tkompli toffri impatt profond u sostenibbli fuq it-tfal u ż-żgħażagħ. Dan il-ġurnal għamel kuntatt ma’ Spiteri fejn tatna l-kummenti tagħha wara dan l-unur li rebħet.
“Il-Youth Workers għandhom rwol vitali fl-iżvilupp nazzjonali billi jappoġġjaw lit-tfal u ż-żgħażagħ fi stadji differenti ta’ ħajjithom,” qalet Sarah. “Ma narahomx biss bħala futur, imma bħala preżent. F’din l-età, iż-żgħażagħ qed jesploraw il-ħajja u qed jippruvaw jifhmu x’inhuma u x’għandhom jagħmlu. Huma jeħtieġu appoġġ, gwida u inkoraġġiment biex jiksbu l-potenzjal tagħhom.”
Sarah Spiteri tħeġġeġ liż-żgħażagħ biex jaraw l-għarfien u l-esperjenzi tagħhom bħala opportunità biex jikbru u jiksbu ħiliet ġodda. “Il-ħajja taż-żgħażagħ hija mimlija sfidi, iżda wkoll mimlija possibbiltajiet. Kull esperjenza, kemm pożittiva kif ukoll negattiva, tista’ tgħinhom jikbru bħala individwi b’saħħithom u jħossu l-valur tagħhom fil-komunità.
Il-qalba tal-ħidma tagħna hija li nagħtu s-setgħa liż-żgħażagħ biex jieħdu deċiżjonijiet xi kultant b’xi parir u fl-istess waqt responsabbli, u biex jifhmu li l-inizjattiva tagħhom tista’ tinfluwenza b’mod pożittiv kemm ħajjithom kif ukoll ta’ oħrajn madwarhom.”
Sarah saħqet li, bħala youth worker, kull jum ġdid joffri lezzjoni ġdida. “Ma nistgħux nistennew li ż-żgħażagħ jiksbu kollox mingħandna; irridu nkunu gwida u inkoraġġiment.”
Xi drabi, dak li jidher bħala falliment huwa opportunità biex titgħallem, u kull passaġġ li jieħdu lejn awtonomija u responsabbiltà huwa pass importanti lejn il-maturità. Nistgħu naraw affarijiet differenti minn kull individwu, min huwa fis-solitudni, min qed jippruvaw jgħixu f’ambjent li ma jaqbilx magħhom, u min jiġġieled biex isib il-post tiegħu fis-soċjetà.
Il-ħidma tagħna tgħinhom ma jħossuhomx waħidhom u li dejjem hemm min jgħinhom jifhmu l-potenzjal tagħhom u l-valur tagħhom. Dan jagħmel il-professjoni tagħna mhux biss sfida, iżda privileġġ li nħossu kuljum.”
Sarah Spiteri saħqet li kull individwu jġorr storja u esperjenzi differenti. “Hemm żgħażagħ li jħossuhom iżolati jew ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja ta’ kuljum, u hemm min ifittex għajnuna u support. L-importanti hu li ma jsibux ħajt fil-ħolm li jkollhom. Nammira l-kuraġġ tagħhom u l-ħeġġa li jippruvaw jikbru u jsiru ċittadini attivi.”
Il-ħidma ta’ Sarah maż-żgħażagħ tikkontribwixxi direttament biex jiġu żviluppati ċittadini reżiljenti. Permezz tal-mentoring, l-involviment fil-komunità u l-proġetti edukattivi, iż-żgħażagħ ikollhom opportunità li jibnu l-kunfidenza tagħhom, jiżviluppaw ħiliet differenti u jipparteċipaw b’mod attiv fis-soċjetà. “Il-youth work mhix biss dwar il-problemi u s-sfidi,” saħqet Sarah. “Hija wkoll dwar il-possibbiltajiet u l-mumenti sbieħ li tħalli l-esperjenza taż-żgħażagħ fil-memorja tagħna bħala l-qofol tal-ħajja tagħhom.”
L-Aġenzija Żgħażagħ tagħti appoġġ lill-iżvilupp personali, soċjali u edukattiv ta’ din il-ġenerazzjoni u tappoġġja l-ħaddiema u l-organizzazzjonijiet li jaħdmu magħhom. Il-vuċi taż-żgħażagħ hija mħarsa fil-proċess tad-deċiżjoni lokali, nazzjonali u internazzjonali. Dan jippermetti liż-żgħażagħ li jesprimu l-ħsibijiet tagħhom u jieħdu sehem f’dak li jaffettwa l-ħajja tagħhom u l-komunità.
Sarah Spiteri enfasizzat li l-Commonwealth Youth Worker Awards jirrikonoxxu l-kontributi eċċellenti ta’ dawk li jaħdmu f’dan is-settur. “Dan ir-rikonoxximent huwa wkoll messaġġ għal kulħadd li jaħdem maż-żgħażagħ,” qalet. “Juri li x-xogħol tagħna għandu impatt reali u li l-isforzi tagħna huma rikonoxxuti fuq livell globali. Mhux biss nagħtu s-setgħa liż-żgħażagħ, iżda jgħinu biex jinħoloq futur aħjar għall-komunità kollha.”
Il-ħidma ta’ Spiteri mhix limitata biss għal Malta. L-unur tal-Commonwealth jirrikonoxxi l-influwenza tagħha fl-iżvilupp pożittiv taż-żgħażagħ fir-reġjun Ewropew. Dan jinkludi l-promozzjoni ta’ standards professjonali għoljin, tmexxija etika u prattika innovattiva fil-qasam tal-youth work.
“Iż-żgħażagħ għandhom rwol kruċjali fis-soċjetà,” saħqet Sarah. “Huma mhux biss il-futur, imma wkoll preżent attiv li jħalli impatt. Il-ħidma tagħna tgħinhom jikbru bħala individwi u ċittadini responsabbli. Kull wieħed minnhom iġorr storja tiegħu stess u għandu esperjenzi differenti, u aħna bħala ħaddiema tagħna nagħmlu l-almu tagħna biex nassistu f’din it-triq.”
Spiteri nsistiet wkoll fuq il-ħtieġa li ż-żgħażagħ ikollhom informazzjoni kredibbli u li ma jiġux ingannati jew jingħataw messaġġi żbaljati . “Jekk ma jsibux l-opportunitajiet li jixtiequ, jistgħu joħolquhom. Huwa messaġġ li jeħodhom ’l quddiem u juri li l-inizjattiva tagħhom tista’ tagħmel differenza.”
L-unur li ġie mogħti lil Sarah Spiteri juri l-eċċellenza individwali tagħha, iżda wkoll il-kontribut kollettiv tal-ħaddiema kollha li jaħdmu maż-żgħażagħ f’Malta u madwar il-Commonwealth. Il-premjijiet jikkonfermaw il-ħidma tagħhom bħala professjonisti essenzjali għall-iżvilupp soċjali sostenibbli u jagħtu rikonoxximent lill-influwenza pożittiva tagħhom fuq il-ħajja ta’ numru kbir ta’ żgħażagħ.
Meta titkellem dwar din il-kisba, Sarah tħeġġeġ liż-żgħażagħ biex jieħdu sehem, jappoġġjaw lil xulxin u jikkollaboraw biex joħolqu opportunitajiet ġodda. “Il-ħajja taż-żgħażagħ hija stadju fejn qed jesploraw, jitgħallmu u jippruvaw jifhmu l-kumplessità tal-ħajja. Aħna bħala adulti u youth workers, għandna rwol biex inkunu ta’ gwida, inkoraġġiment u fuq kollox t’appoġġ,” qalet.

