Sunday, November 24, 2024

“Saru bil-ħsieb li jħammġu, jiskreditaw u jimminaw l-integrità ta’ Mons Joe Vella Gauci”

Il-Qorti f’kawża ta’ libell dwar allegazzjonijiet infondati ta’ abbuż fuq tfal minn nanniet paterni

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Evidenti anke mit-ton tal-pubblikazzjonijiet li dawn saru bil-ħsieb li jħammġu r-reputazzjoni ta’ Mons Joe Vella Gauċi bl-iktar mod fieragħ u kapriċċuż u biex jiskreditaw u jimminaw l-integrità tiegħu fil-karigi kollha li hu jokkupa”. Dan iddikjaratu l-Qorti f’sentenza ta’ libell li Mons Joe Vella Gauci kien għamel fil-kariga ta’ ambaxxatur ta’ Malta għall-UNESCO u bħala Direttur responsabbli għal Child Protection Services fi ħdan l-Aġenzija APPOĠĠ f’Għawdex.  Mons Vella Gauci kien għamel il-libell lil Pierre Gaffiero, għal dikjarazzjonijiet li dan kiteb fuq Twitter. Il-każ kien jirrigwarda allegazzjonijiet li saru minn Pierre Gaffiero dwar abbuż li hu allega li kien qed jiġi mwettaq fuq żewġt itfal minuri li jgħixu Għawdex man-nanniet paterni tagħhom. L-allegazzjonijiet kienu rriżultaw li huma infondati.  Il-Qorti kkundannat lil Pierre Gaffiero  €2,000 f’danni morali.

Mons Joe Vella Gauci xehed li hu saċerdot u fiż-żmien li saru l-pubblikazzjonijiet kien jokkupa l-kariga ta’ ambaxxatur ta’ Malta għal UNESCO kif ukoll Direttur responsabbli għal Child Protection Services fi ħdan l-Aġenzija APPOĠĠ f’Għawdex.  Isostni li dawn il-pubblikazzjonijiet ikkaġunaw ħsara serja lir-reputazzjoni tiegħu għax ingħata x’jifhem li hu implikat ma’ xi ħadd li hu ħati ta’ abbuż inkluż abbuż sesswali fuq tfal minuri u li qed jgħattilu.

Mix-xhieda irriżulta li Pierre Gaffiero kien mar ikellmu fl-Uffiċċju tiegħu f’Għawdex fis-6 ta’ Marzu tas-sena 2020 dwar abbuż li allega li kien qed jiġi mwettaq fuq żewġt itfal minuri li jgħixu Għawdex man-nanniet paterni tagħhom. L-allegazzjonijiet li saru minnu u miż-żewġ persuni l-oħra li akkumpanjawh waqt il-laqgħa kienu jikkonċernaw trattament ħażin ta’ dawn it-tfal minuri minn nanniet paterni kif ukoll abbuż sesswali.  Fl-istess laqgħa ġiet ikkritikata ukoll il-koordinatur taċ-Child Protection Services u ħaddiema soċjali li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ Vella Gauci bħala Direttur.

Vella Gauci xehed li hu kien diġa jaf b’dan l-każ qabel kien mar għandu Gaffiero biex ikellmu dwar l-allegazzjonijiet tal-abbuż u kkonferma li meta kien ġie infurmat inizjalment dwar il-każ, hu kien minnufih ħa azzjoni biex jinvestiga l-allegazzjonijiet li kienu saru fil-konfront tal-ħaddiema soċjali inkonnessjoni ma’ dan l-abbuż u talabhom jissottomettu stqarrijiet u rapporti fir-rigward.  Din l-azzjoni kienet ittieħdet ukoll saħansitra qabel ġie kuntattjat. Mill-investigazzjoni li kienet saret, kien irriżulta li l-allegazzjonijiet dwar l-abbuż fuq iż-żewġt itfal minuri kienu infondati.

Mons Vella Gauċi xehed li insegwitu għal laqgħa li kienet saret fis-6 ta’ Marzu tas-sena 2020,  il-konvenut kien ċempillu fejn uża lingwaġġ pastaż u indirizzah b’mod dispreġjattiv qabel qatgħalu mingħajr ma taħ l-opportunità biex jispjega ruħu dwar l-azzjoni li kien ħa dwar il-każ.  Jispjega li imbagħad kien ġie infurmat minn kollegi sħabu li jaħdmu fil-qasam soċjali f’Għawdex li kienu qed jiġu ppubblikati posts dwar l-allegazzjonijiet li kien mar ikellmu dwarhom fejn anke beda jsemmih b’mod dirett.

Fis-sentenza tal-Qorti issemma li l-publbikazzjonijiet impunjati f’din l-azzjoni huma dawk li ttellgħu fuq is-sit elettroniku www.twitter.com/gaffieropierre fl-10 ta’ Marzu 2020 u fit-13 ta’ Marzu 2020 taħt l-isem ‘Korpusveritas @GaffieroPierre’. Mid-diversi stqarrijiet li ġew ippubblikati mill-konvenut bejn it-8 ta’ Marzu tas-sena 2020 u t-13 ta’ Marzu tas-sena 2020, hemm dik li tgħid “children in Gozo being abused and the priest and police turn there (sic. their) backs all tis abuse’.

Dikjarazzjoni oħra kienet li “Children in Gozo being sexually abused. Reports to the police are ignored. The head of APPOĠĠ care centre in Gozo also ignore these serious reports’. 

Dikjarazzjoni oħra kienet li “This is not a priest. We approached this priest to save children from being abused and you know what? He did nothing? This priest represents the child care centre APPOĠĠ as the head in Gozo. Who do you think he is covering”.

Mons Vella Gauċi xehed li għalkemm il-konvenut qatt ma reġa’ għamel kuntatt miegħu b’mod dirett, kien avviċinah Reno Grech mill-Kurja tal-Isqof f’Għawdex u sussegwentament kien avviċinah ukoll il-Vikarju Ġenerali, it-tnejn fuq talba tal-konvenut biex hu jaħfirlu.

Il-Qorti qalet li mill-provi irriżulta li n-nanniet paterni taż-żewp ulied minuri inkwistjoni kellhom il-kura u kustodja provviżorja tal-minuri matul il-pendenza ta’ proċeduri ta’ separazzjoni bejn il-ġenituri.  Omm il-minuri keinet terżerċità għal uliedha taħt superviżjoni tal-ħaddiema soċjali fi ħdan l-Aġenzija APPOĠĠ.

Il-Qorti qalet li rat ir-rapport u stqarrijiet tal-ħaddiema soċjali involuti fil-każ,  u fehmet li jeżisti sfont ta’ antagoniżmu assolut bejn l-omm fuq naħa waħda u l-missier u n-nanniet paterni fuq in-naħa l-oħra, liema antagoniżmu jidher li ssarraf f’nuqqas ta’ koperazzjoni u t-tqanqil kontinwu ta’ intoppi dwar il-ġranet tal-eżerċizzju tal-aċċess tal-omm, kif ukoll sensiela ta’ rapporti lill-Pulizija fir-rigward. 

Il-Qorti qalet li Pierre Gaffiero naqas milli jikkontesta din l-azzjoni ta’ libell minkejja li ngħata l-opportunità li jagħmel dan.

Il-Qorti qalet li tqai li l-fatt li saru akkużi diretti u speċifiċi fil-konfront ta’ Vella Gauċi li ġie msemmi b’ismu u bi rwol differenti li hu jokkupa, identifikabbli ulterjorment bir-ritratt tiegħu, jimponi fuq Pierre Gaffiero l-obbligu li jissostanzja dawn l-imputazzjonijiet billi juri li għandhom bażi fattwali suffiċjenti anke biex jikkonvinċi lill-Qorti li hu aġixxa in buona fede meta ppubblika l-istqarrijiet.  Iżda l-konvenut baqa’ ma iġġustifikax l-imputazzjonijiet li għamel. Hu ma ressaq l-ebda prrova la biex juri li hu qal il-verità u lanqas biex ifisser għala staqsa għal min Vella Gauci kien qed jgħatti bin-nuqqas tiegħu li jieħu azzjoni dwar il-każ.

Il-Qorti qalet li wara li semgħet ix-xhieda, hi sodisfatta li l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront ta’ Vella Gauci m’għandhom l-ebda bażi ta’ fatt u hu evidenti anke mit-ton tal-pubblikazzjonijiet li dawn saru bil-ħsieb li jħammġu r-reputazzjoni tal-attur bl-iktar mod fieragħ u kapriċċuż u biex jiskreditaw u jimminaw l-integrità tiegħu fil-karigi kollha li hu jokkupa.  Għaldaqstant il-Qorti ma tistax ħlief tikkonkludi li Gaffiero ma kienx qed jaġixxi in buona fede meta ppubblika dawn l-allegazzjonijiet.

Il-Qorti qalet li tagħmilha ċara u tirribadixxi, kif diġa għamlet f’okkażjonijiet oħra, li l-jedd għal libertà tal-espressjoni ma jista’ qatt jiġi interpretat bħallikieku jagħti protezzjoni lil min jippubblika kif ġieb u laħaq fuq pjattaforma tal-midja soċjali bħalma huma Twitter, ta’ imputazzjonijiet li huma kapaċi jew li effettivament iħassru r-reputazzjoni ta’ individwu. 

Il-Qorti iddikjarat li l-pubblikazzjonijiet li saru  huma libellużi fil-konfont ta’ Mons Vella Gauci u kkundannat lil Pierre Gaffiero biex iħallsu danni morali ta’ €2,000.

Sport