Friday, May 3, 2024

Cristiano Ronaldo jista’ jħalli lil United biex jilgħab fiċ-Champions League

Aqra wkoll

Cristiano Ronaldo jista’ jieħu deċiżjoni dwar il-futur tiegħu qabel mal-Olandiż Erik ten Hag jieħu f’idejh it-tmexxija tal-klabb ta’ Manchester United.

Il-plejer ta’ 37 sena rritorna ma’ United għall-prezz ta’ £12-il miljun fis-sajf li għadda. Ronaldo ffirma kuntratt inizjali ta’ sentejn mar-Red Devils bl-għażla li jġedded il-kuntratt tiegħu bi 12-il xahar ieħor mat-tmiem tal-ewwel parti tal-ftehim.

F’dan il-perjodu Ronaldo skurja 24 gowl fil-kompetizzjonijiet kollha iżda minkejja dan huwa xorta waħda qiegħed jitqies bħala plejer li xekkel lit-tim. Dan minħabba li huwa qiegħed jingħata prijorità lil hinn mit-tim fuq livell kollettiv. 

L-attakkant ma jidhirx li huwa l-ideali fil-pjanijiet ta’ Ten Hag, bl-Olandiż ħerqan li jiffoka aktar fuq attakkanti b’aktar ħeġġa u flessibbilità.

Ten Hag qed jippjana li jitkellem ma’ kull membru tat-tim qabel ma jieħu deċiżjoni dwar min jibqa’ u min le fejn kull plejer mistenni jingħata ċ-ċans li jagħmel it-talba tiegħu.

Iżda rapporti oħra qegħdin isostnu li Ronaldo jista’ jieħu dik id-deċiżjoni tiegħu qabel jibda dan il-proċess. Dan hekk kif l-attakkant jinsab irrabjat għan-nuqqas ta’ United li jispiċċaw mal-ewwel erbgħa fil-kampjonat Ingliż. Ronaldo ma jridx jirriskja li jtemm il-karriera tiegħu mingħajr ma jerġa’ jilgħab fiċ-Champions League.

Sport