Saturday, May 4, 2024

Se jerġa’ jinfetaħ l-Isptar tal-Annimali f’Ta’ Qali u minnu se jiġi offrut il-kors tal-veterinarji

Aqra wkoll

Il-Gvern, permezz tal-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali u l-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, daħal fi ftehim li permezz tiegħu se jerġa’ jinfetaħ l-Isptar tal-Annimali f’Ta’ Qali u fl-istess waqt, mis-sena skolastika li jmiss, jibda jiġi offrut il-kors tal-veterinarji minn din l-istess binja.

Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u l-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo.

Ġie spjegat li f’Awwissu tal-2023, l-APH Veterinary Hospital, li huwa l-unika sptar ta’ dan it-tip f’pajjiżna, kien waqqaf is-servizzi tiegħu wara li ġarrab ħsarat estensivi minħabba dik magħrufa bħala power surge. Dan wassal għal ħsarat fuq l-apparat li kien qed jintuża f’dan l-isptar.

Il-Ministru Anton Refalo tenna li l-ħidma sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni tal-Isptar tal-Annimali ma waqfitx u pajjiżna se jerġa’ jkollu sptar tal-annimali li minnu se jiġu offruti servizzi veterinarji, fosthom għal-kura fit-tul tal-annimali.

Huwa semma wkoll il-ħidma li twettqet fl-aħħar snin mill-Gvern fis-settur tad-drittijiet tal-annimali. “Ir-riforma biex insaħħu l-funzjoni tad-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali wasslet għal cattery ġdida; ambulanza ġdida għall-annimali; aktar postijiet għall-klieb abbandunati; żieda fin-numru ta’ impjegati u fl-infurzar; it-tisħiħ tan-numru 1717 u t-tnedija ta’ dipartiment għall-programmi ta’ fondi, fost l-oħrajn”, temm jgħid il-Ministru Refalo.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clifton Grima fakkar li fis-snin riċenti l-gvern kien ta widen għat-talbiet ta’ studenti li kellhom l-aspirazzjoni ta’ karriera bħala veterinarji, u kien nieda Borża ta’ Studju biex tkun ta’ sostenn finanzjarju għal dawn l-istudenti li kellhom bilfors jagħmlu dan l-istudju barra minn Malta.

“Illum qed inħabbru pass ieħor sinifikanti ’l quddiem, għaliex issa dawk kollha li jixtiequ jsegwu perkors ta’ studju f’din il-linja, jistgħu jagħmlu dan f’pajjiżhom stess. Meta nitkellmu dwar l-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni l-ġdida, nenfasizzaw li din tpoġġi lill-persuna fiċ-ċentru. Dak li qed inħabbru llum huwa eżempju ċar ta’ dan: smajna x-xewqat tal-istudenti, rajna x’inhi l-aspirazzjoni għall-futur tagħhom u ħdimna biex din ix-xewqa ssir realtà – f’pajjiżna stess”, temm jgħid il-Ministru Grima.

Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura, u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said stqarret li permezz tal-użu mill-ġdid tal-isptar għall-annimali, il-Gvern se jkompli jkabbar is-servizzi offruti għall-ħarsien tal-annimali. “B’dak li qed inħabbru llum huwa xhieda kemm il-ħarsien tal-annimali huwa wieħed mill-prijoritajiet tal-Gvern. Għall-ewwel darba se nkunu qed noffru kors f’Malta stess għall-veterinarji prospettivi u b’hekk inħeġġu aktar studenti jimirħu fl-istudju mediku għal aktar ħarsien xieraq tal-annimali,” temmet tgħid Bugeja Said.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport