Il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici enfasizza li “b’dan l-abbozz ta’ liġi, il-Gvern Malti qed ikun għal darb oħra minn ta’ quddiem biex ikun ta’ tarka għal dawk il-vittmi u qed nipproponu biex jiġi introdott il-femiċidju fil-liġijiet tagħna. Bis-saħħa ta’ dawn l-emendi se jidħlu għall-ewwel darba fl-istorja legali ta’ pajjiżna numru ta’ ċirkostanzi femiċidali li jekk iseħħu f’każ ta’ omiċidju ta’ mara il-ħatja jieħu piena aktar ħarxa minn dak li l-liġi tipprospetta llum.”
Huwa qal li se nkunu qed nibagħtu messaġġ b’saħħtu lis-soċjetà kollha kemm hi u se nagħtu għodda b’saħħitha lill-Imħallfin tagħna biex id-diżugwaljanza li teżisti tiġi indirizzata. “Imbuttajna biex din ir-riforma issir. L-iktar li timlini b’sodisfazzjon li dawn l-emendi meta jsiru liġi ma jintużaw qatt għax ikun ifisser li ma jkunx seħħ omiċidju ieħor f’ċirkostanzi femiċidali.
“Ejja nkunu deċiżivi. Ejja ma nħallu lil ħadd ifixkilna. Ejja lkoll nikkumbattu bis-serjetà l-vjolenza kontra l-ġeneru, il-vjolenza domestika partikolarment vjolenza kontra n-nisa għax huma nisa,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.
Aqra wkoll: “Għad għandna sitwazzjonijiet fejn nisa jħossuhom mhux siguri għax huma nisa” – il-Ministru Owen Bonnici