Tuesday, December 24, 2024

Se jiftħu l-iskejjel f’Settembru li ġej?

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-MUT u l-UPE jsegwu mill-viċin l-iżviluppi tal-pandemija tal-Covid-19

L-istudenti f’Malta bħalissa huma bil-vaganzi tas-sajf u għajr għal dawk li jattendu SkolaSajf, il-binja tal-iskejjel f’Malta huma vojta. Issa, wieħed jistenna l-ftuħ tas-sena skolastika l-ġdida f’Settembru li ġej fejn qabel il-pandemija tal-Covid-19 dan kien ritwal tant mistenni u “normali”. Minħabba ż-żieda riċenti ta’ każijiet ġodda tal-Covid-19, kemm f’Malta kif ukoll f’pajjiżi oħra, hemm tħassib li jista’ jkun hemm il-possibbiltà li għal darb’oħra l-iskejjel ma jiftħux u t-tagħlim isir online.

Huwa rrapportat li xi pajjiżi aċċennaw din il-possibbiltà, iżda l-fatt li għadna f’nofs Lulju u f’Malta l-istituzzjonijiet edukattivi jiftħu lejn l-aħħar ta’ Settembru u bidu ta’ Ottubru, għadu kmieni wisq biex wieħed jorbot rasu qabel jaqsamha. 

Talk.mt ikkuntatja liż-żewġ unjins tal-edukaturi, kif ukoll lill-Ministeru tal-Edukazzjoni dwar dan it-tħassib u jekk hemmx xi laqgħat jew pjanijiet għaddejjin għall-ftuħ tas-sena skolastika l-ġdida f’Settembru li ġej.

Il-Malta Union of Teachers (MUT) qalet li għadu kmieni wisq biex tagħti l-pożizzjoni tagħha dwar il-ftuħ tal-iskejjel f’Settembru, iżda insistiet li qiegħda ssegwi mill-viċin is-sitwazzjoni tal-Covid-19. Din il-unjin qalet li fl-istess ħin, qiegħda tiġbor l-informazzjoni kollha u l-pariri applikabbli.

Il-President tal-MUT, Marco Bonnici, qal li, “rigward diskussjonijiet mal-Ministeru, tlabna informazzjoni dwar is-sena skolastika l-ġdida u biex jinbdew id-diskussjonijiet iżda l-Ministeru qiegħed jistenna gwida mill-awtoritajiet tas-saħħa”.

Min-naħa tagħha, l-Unjin tal-Edukaturi Professjonisti (UPE) ukoll ikkonfermat li qiegħda ssegwu l-iżviluppi tal-pandemija u żiedet tgħid li se timxi skont il-bżonn meta toqrob aktar id-data tal-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel.

Sal-ħin li morna għall-istampa, il-Ministeru tal-Edukazzjoni kien għadu ma ta ebda kumment.

Ekonomija

Sport