Sunday, December 22, 2024

Se jiġu ppubblikati l-liġijiet biex fix-xhur li ġejjin is-separazzjoni tal-iskart tkun mandatorja

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli ħabbret fil-Parlament li l-ġimgħa d-dieħla se jiġu ppubblikati l-liġijiet meħtieġa sabiex fix-xhur li ġejjin, is-separazzjoni tal-iskart issir mandatorja għal kulħadd, mis-settur kummerċjali għal dak residenzjali.

Hija qalet li din se tkun ikkumplimentata b’kampanja ta’ edukazzjoni u wara infurzar sabiex naraw li tassew innaddfu l-pajjiż u nagħtu valur lill-iskart. Waqd diskussjoni ġenerali mingħajr vot dwar ir-rapporti tal-ħidma li għamel pajjiżna fl-aħħar snin fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli, il-Ministru Dalli qalet li l-investiment li qed jagħmel il-Gvern fl-immaniġġjar tal-iskart huwa wieħed bla preċedent. Qalet iżda li dan kollu jkun ta’ xejn jekk kull wieħed u waħda minna ma jiġbidx l-istess ħabel u ma jsegwix ir-regoli.

Hija fakkret kif sa madwar sena, sentejn ilu, 35 kilo minn kull 100 kilo kien skart mitfugħ fil-borża l-griża b’mod żbaljat. Dan ifisser aktar minn 35%. Innotat kif il-pubbliku grazzi għall-kampanja effettiva mill-WasteServ, irnexxielu jtejjeb il-mod kif jiddisponi mill-iskart u jniżżel din il-figura għal taħt l-20 kilo. Dan ifisser li l-iskart mormi ħażin naqas bi kważi 50%. “20 kilo minn kull mija, jiġifieri 20%, li għalija xorta huwa figura għolja ħafna.

Sfortunatament madwar 90% tal-iskart għadu jmur fil-miżbliet. Dawn huma numri li ma jien kuntenta xejn bihom imma determinati li naħdmu bla waqfien biex naslu f’punt li dan in-numru jinżel għal 10%,” qalet il-Ministru Dalli li enfasizzat fuq il-bżonn ta’ sforz b’saħħtu minn kulħadd. Hija semmiet ukoll bl-investiment li għaddej fuq il-Kumpless tal-Eco Hive, wieħed mill-impjanti huwa dak tal-Waste-to-Energy.

Bħalissa għaddej ix-xogħol preparatorju neċessarju u l-proċess tax-xiri tal-impjant miexi kif mistenni. “Dan l-impjant ser ikun qed idawwar 192,000 tunnellata ta’ skart mhux riċiklabbli f’enerġija ħadra, skart li għal ġenerazzjonijiet sħaħ dejjem intefa’ fil-miżbliet, li malajr jimtlew bil-ħtieġa li nużaw aktar art għal miżbliet ġodda.

Ħabbarna wkoll impjant li ser idawwar 70,000 tunnellata ta skart organiku f’energija rinovabli elettrika u f’compost ta’ kwalita agrikola,” żiedet tispjega l-Ministru Dalli. Kompliet tgħid li s-sena li għaddiet, infetħu wkoll l-ewwel erba’ re-use centres fis-civic amenity sites tal-WasteServ.

S’issa, fil-ftit xhur li ilhom jattiraw, dawn iċ-ċentri tant attiraw l-interess tal-pubbliku, li minnhom inġabru mal-4,500 oġġett li b’hekk jistgħu jintużaw mill-ġdid minflok imorru fil-miżbla. It-tkabbir ekonomiku jrid jintegra fih il-protezzjoni ambjentali Sadanittant, il-Ministru Dalli qalet li spiċċa ż-żmien fejn it-tkabbir ekonomiku jiġi a skapitu tal-ambjent.

Anzi s-suċċess tat-tkabbir ekonomiku jrid jintegra fih innifsu l-protezzjoni ambjentali, it-tisħiħ soċjali u l-governanza tajba. “Għalhekk qed naħdmu biex anke kumpaniji privati jkunu parti minn din it-tranżizzjoni u jadottaw aktar kriterji tal-ESG.” Saħqet li l-fatt li l-2020 u l-2021 kienu mmarkati mill-pandemija dan ma waqqafx lill-Gvern milli jkun ta’ spalla għall-intrapriżi u n-negozji fl-aktar mumenti kruċjali.

Bħala eżempju semmiet il-Wage Supplement – 26 xahar ta’ assistenza li minnha bbenefikaw mal-21,000 impjegat. Din l-iskema laqtet tliet għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli, li huma l-faqar, it-tkabbir ekonomiku u xogħol diċenti u l-industrija.

Ekonomija

Sport