Partitarji li jinvadu l-grounds fil-partiti tal-Premier League u tal-Kampjonati tal-Football Ingliż se jkunu qed jirċievu projbizzjoni awtomatika tal-clubs taħt miżuri ġodda biex tiġi indirizzata l-imġieba tal-partitarji.
Dan hekk kif tqajjem tħassib dwar is-sigurtà fil-grounds wara numru ta’ invażjonijiet tal-pitch fi tmiem l-istaġun li għadda.
Individwi li jġorru jew jużaw il-piroteknika jew il-bombi tad-duħħan se jiġu pprojbiti wkoll u dawk li jkunu ġew identifikati se jiġu rrappurtati lill-pulizija.
L-FA Ingliża se timplimenta wkoll sanzjonijiet aktar ħorox għall-clubs.
Huwa reat għall-partitarji li jidħlu fil-ground “mingħajr awtorità legali” taħt l-Att dwar ir-Reati tal-Football tal-1991 – iżda dawk li jwettqu reati mhux dejjem ġew imħarrka.
Il-kampjonati u l-FA se jkunu qed:
– Jaħdmu mal-clubs biex itejbu t-tfittxijiet tal-individwi
– Iżidu l-użu ta’ klieb li jxommu fil-post
– Jaħdmu ma’ pjattaformi tal-media soċjali biex ineħħu kemm jista’ jkun malajr filmati ġġenerati minn partitarji bi mġieba illegali
– Jitolbu lill-Gvern Ingliż biex jirrestrinġi l-provvista ta’ piroteknika u bombi tad-duħħan
– Potenzjalment jipprojbixxi lill-ġenituri jew il-kustodji li jakkumpanjaw it-tfal li jieħdu sehem f’imġieba illegali.
Il-Premier League, l-EFL u l-FA se jaħdmu wkoll mal-forzi tal-pulizija biex “jistabbilixxu prinċipju ġdid għal każijiet relatati mal-piroteknika u l-bombi tad-duħħan”.
Il-clubs tal-Premier League qablu fuq miżuri ġodda biex jittrattaw l-invażjonijiet tal-grounds ix-xahar li għadda wara sensiela ta’ inċidenti.
Fost dawn l-inċidenti, kien hemm dak li fih kien involute il-goalkeeper ta’ Aston Villa Robin Olsen li kien aggredit minn partitarji ta’ Manchester City fl-aħħar ġurnata tal-istaġun, filwaqt li partitarju ta’ Nottingham Forest intbagħat il-ħabs talli ta daqqa ta’ ras lill-captain ta’ Sheffield United, Billy Sharp, fi tmiem il-partita tal-play-off tagħhom.
“Iż-żieda fl-imġieba anti-soċjali li rajna fl-istada fi tmiem l-istaġun li għadda kienet għal kollox inaċċettabbli u poġġiet is-sigurtà tan-nies f’riskju,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-FA, Mark Bullingham.
“Flimkien, il-football Ingliż daħħal miżuri ġodda u sanzjonijiet aktar qawwija, għall-bidu tal-istaġun li ġej, biex jintbagħat messaġġ ċar li mhux se nittolleraw dan it-tip ta’ mġieba illegali u perikoluża.
“Hija r-responsabbiltà ta’ kulħadd fil-logħba, inklużi l-korpi governattivi, il-clubs, il-players, il-coaches u l-partitarji, li niżguraw li lkoll nagħtu s-sehem tagħna fil-protezzjoni tal-logħba tagħna u lil xulxin.”
Kevin Miles, kap eżekuttiv tal-Football Supporters’ Association, żied jgħid li: “Aħna kkuntattjati minn partitarji fuq bażi pjuttost regolari li nqabdu jaqbżu fil-grawnd, jew b’logħob tan-nar fl-istands, u mingħajr eċċezzjoni jiddispjaċihom li għamlu dan.”
“Jekk kellhomx intenzjonijiet pożittivi jew le, huwa irrilevanti f’għajnejn il-liġi – inkursjonijiet b’logħob tan-nar u tal-pitch huma illegali, u jekk wieħed jagħmel dan jiġi mħarrek u jkun ipprojbit mill-club tiegħu.”