Saturday, April 12, 2025

Se jimxu r-rotta Portugiża tal-Camino de Santiago b’risq Hospice Malta biex jiċċelebraw għeluq l-40 u s-60 sena tagħhom matul l-2025

Aqra wkoll

Biex jiċċelebraw għeluq l-40 u s-60 sena tagħhom matul l-2025, iż-żewġt iħbieb Elaine Attard u Liliana Grech, iddeċidew li din is-sena jimxu r-rotta Portugiża tal-Camino de Santiago b’risq Hospice Malta. 

Kemm Elaine, kif ukoll Liliana kellom qraba li fil-passat kellhom bżonn l-għajnuna tal-Hospice Malta u għalhekk din l-avventura b’kawża ġusta għandha valur sentimentali kbir għalihom. 

It-taħriġ bi preparazzjoni għall-mixja li hi twila madwar 135 kilometru u li se ssir bejn is-26 t’April u l-1 ta’ Mejju, beda ftit xhur ilu. Elaine u Liliana jitħarrġu kull tmiem il-ġimgħa permezz ta’ mixjiet twal fil-kampanja Maltija u Għawdxija mal-grupp Camino Mosti, immexxi mil-kowċ veteran, Richard Borg. 

Din is-sena ser jimxu minn tarf il-belt ta’ Porto, eżattament f’Rubiães fil-Portugal sal-kattidral ta’ Santiago de Compostela fir-reġjun ta’ Galicia fi Spanja. Elaine u Liliana flimkien mal-grupp Camino Mosti mxew il-Camino Francais minn Sarria sal-Katidral ta’ Santiago de Compostela fl-2023 u minn Santiago de Compostela sa Finisterra u Muxia, is-sena l-oħra.

Il-belt ħelwa ta’ Santiago de Compostela bil-kattidral tagħha dedikat lil-San Ġakbu l-kbir, hija destinazzjoni li tilqa’ fiha miljuni ta’ pellegrini li matul is-sekli segwew il-passi ta’ dan il-qaddis f’pellegrinaġġi spiritwali bil-mixi minn diversi punti fl-Ewropa u dan l-aħħar anke minn Malta.

Elaine u Liliana jaqblu li l-mixi kif ukoll il-ħin imqatta’ fl-ambjent naturali jgħinhom kemm fiżikament iżda wkoll mentalment u soċjalment. Barra minn hekk huwa tip ta’ eżerċizzju li faċli tinkorporah fir-rutina għax hu bla ħlas u aċċessibli.

Dawk li jixtiequ jgħatu donazzjoni lil-Hospice Malta jistgħu jagħmlu dan billi jidħlu f’din il-ħolqa: 

https://hospicemalta.org/product/camino-portuguese-for-hospice-malta-a-birthday-celebration/

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport