Edward Montebello se jiġi inkarigat mit-tmexxija tal-midja tal-Partit Laburista b’effett mit-Tnejn 21 ta’ Settembru. Is-Sur Montebello se jinħatar bħala Chairman tal-Bord tad-Diretturi ta’ ONE u Kap tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista. Dawn il-ħatriet se jkomplu jikkonsolidaw ħidma importanti fit-tmexxija tal-midja tal-Partit Laburista biex il-messaġġ tal-Partit ikompli jasal għand kulħadd bl-aktar mod ċar.
Is-Sur Montebello għandu esperjenza wiesa’ fil-qasam tax-xandir u l-midja ta’ kważi 20 sena. Ħadem fil-kamra tal-aħbarijiet ta’ ONE għal 13-il sena u kien Deputat Kap, Kap tal-kamra tal-aħbarijiet u Editur tal-istazzjon. Għal dawn l-aħħar erba’ snin kien Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Is-Sur Montebello huwa gradwat fl-istorja u fl-edukazzjoni, fejn anki ħadem ta’ għalliem. Fix-xandir ipproduċa u ppreżenta wkoll numru ta’ programmi u dokumentarji fuq it-televiżjoni u r-radju.
Edward Montebello saħaq li jħares ’il quddiem lejn ħidma importanti biex il-messaġġ tal-Partit Laburista jkompli dejjem jasal b’mod frisk, inċiżiv u b’saħħtu. Sostna li huwa grat għall-fiduċja li ntweriet u qed jieħu l-irwoli l-ġodda b’impenn sħiħ. Irrimarka li flimkien mal-ħidma fl-istrutturi tal-Partit u l-ħaddiema ta’ ONE, ħafna minnhom kollegi li kiber magħhom tul il-karriera tiegħu, se jara li l-pedament li tħalla minn dawk kollha ta’ qablu jkompli jikkonsolidah f’suċċess, f’qasam li qed ikompli jevolvi maż-żminijiet.
Intant il-Partit Laburista jirringrazzja lil Silvio Scerri u lil Norma Saliba li servew fil-karigi ta’ Chairman ta’ ONE u Kap tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista rispettivament.
Is-Sur Scerri ddeskriva l-perjodu tiegħu bħala Chairman ta’ ONE bħala wieħed mill-akbar unuri fil-karriera professjonali tiegħu. Qal li kien unur u privileġġ kbir għalih li kien fdat bit-tmexxija ta’ ONE fi żmien tant kruċjali fil-mixja tal-istazzjon. Żied jgħid li qed iħalli din il-kariga b’sens kbir ta’ sodisfazzjon u kburi b’dak li rnexxielna niksbu flimkien. Bis-saħħa tad-dedikazzjoni, il-professjonalità u l-impenn bla waqfien tat-tim kollu ta’ ONE, l-istazzjon laħaq livelli ġodda, b’żieda straordinarja fl-udjenzi tiegħu filwaqt li kompla jsaħħaħ il-kwalità, ir-rilevanza u l-impatt tal-kontenut tiegħu, speċjalment waqt il-kampanja elettorali.
Min-naħa tagħha, Norma Saliba sostniet li kien ta’ privileġġ kbir li kienet tmexxi l-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni u Kelliema tal-Partit Laburista. Qalet li rat kif ittejjeb il-midja tal-Partit bil-għan li jasal il-messaġġ għand kulħadd bl-iktar mod effettiv, ċar u dirett, permezz ta’ ONE News u l-programmi ta’ diskussjoni fuq it-TV u r-radju, il-gazzetta KullĦadd, il-podcast Isma’ Dean, The Journal u l-midja soċjali tal-Partit. Hija rringrazzjat lill-kontributuri u voluntiera li ħadmu magħha biex il-midja tal-Partit tkun sors informattiv għall-aħbarijiet u l-ġrajjiet kurrenti, b’mod partikolari matul il-kampanja elettorali li għaddiet.
