L-Iżrael u l-Hamas laħqu ftehim bejniethom għal waqfien mill-ġlied ta’ erbat ijiem u biex ikunu rilaxxati aktar minn 50 ostaġġ miżmuma f’Gaża. Dan l-iżvilupp importanti seħħ wara kważi seba’ ġimgħat mill-bidu tal-kunflitt.
Il-ftehim, kif spjegat minn negozjatur ewlieni tal-Qatar, se jwassal biex l-ostaġġi miżmuma mill-Ħamas jiġu rilaxxati fi skambju ma’ numru ta’ Palestinjani nisa u tfal li jinsabu f’ħabsijiet ġewwa Iżrael.
Din l-aħbar kienet milqugħa b’sodisfazzjon mill-familji ta’ dawk li kienu miżmuma bħala ostaġġ mill-militanti tal-Ħamas, li issa qed jistennew b’ħerqa kbira li jirċievu aktar dettalji dwar meta dawn se jkunu qed jingħaqdu lura magħhom.
Skont figuri maħruġa mill-militar ta’ Iżrael, il-Ħamas qed iżomm madwar 239 ostaġġ f’Gaża, inkluż persuni ta’ nazzjonalità barranija minn 26 pajjiż. Dan il-ħtif tal-massa seħħ fis-7 ta’ Ottubru li għada, meta l-militanti tal-Ħamas qasmu l-fruntiera f’attakk kordinat li qatel madwar 1,200 persuna.
Qabel intlaħaq dan il-ftehim, kulma kienu ġew rilaxxati kienu biss ftit ostaġġi. Iżrael kien irrisponda għall-attakk tal-Ħamas billi ddikjara “gwerra” kontra l-Ħamas u ordna wkoll imblokk f’Gaża billi waqqfilhom il-provvisti tal-ikel, ilma, mediċini u anke fjuwil, filwaqt li bdew b’attakki kemm minn fuq l-art kif ukoll mil-ajru.