Monday, May 13, 2024

INVESTIMENT BIEX INKOMPLU NTEJBU L-QASAM TAS-SAĦĦA U NNAQQSU L-ISTENNIJA

Aqra wkoll

Tul ħajjitna, normalment napprezzaw dak kollu li għandna meta jibda jonqsilna jew meta nkunu fix-xifer li nitilfuh għal kollox. M’aħniex qegħdin nirreferu biss għall-affarijiet materjali bħalma huwa l-ġid li persuna jkollu.

Iktar importanti minn kull ġid materjali hija s-saħħa tal-persuna. Illum, grazzi għall-avvanzi teknoloġiċi li saru, il-mezzi tal-kura tas-saħħa f’pajjiżna huma vasti tant li sa ftit tas-snin ilu dawn kienu biss ħolma. Iżda dawn ma jistgħux jeżistu mingħajr il-kuraġġ fit-teħid tad-deċiżjonijiet favur l-investiment biex ċertu servizzi jkunu u jibqgħu aċċessibbli.

Quddiem dan kollu ma nistgħux ma nkunux kuntenti bl-inawgurazzjoni taċ-Ċentru tas-Saħħa fir-Rabat ta’ Għawdex li minkejja d-daqs tiegħu, mill-bieraħ beda joffri servizzi mediċi li se jservu biex, mingħajr dubju, jitnaqqas ċertu piż minn fuq l-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Dan iċ-ċentru se jakkomoda 12-il servizz għall-Għawdxin biex issa jkunu jistgħu jinqdew eqreb lejn djarhom u b’iktar effiċjenza.

Fil-fehma tagħna, dan iċ-Ċentru tas-Saħħa modern fil-qalba tar-Rabat t’Għawdex, se jkun qed isaħħaħ il-politika tal-kura tas-saħħa primarja fil-komunità f’Għawdex, l-aktar meta jitqies li numru ta’ servizzi lill-pazjenti sal-bieraħ kienu offruti biss mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Ċertament li l-iktar li se jkunu milqutin pożittivament minn dan l-investiment minn fondi tal-NDSF, li min jaf kemm-il darba kien fil-mira ta’ attakki min-naħa tal-Oppożizzjoni, huma dawk il-pazjenti li qabel ilbieraħ kien ikollhom jikkuntentaw bis-servizz li kien mogħti biss mill-Isptar f’Għawdex.

Imma l-wegħda tad-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa li jkun hawn servizzi mill-aktar avvanzati qrib il-komunità ma tiqafx hawn. Ix-xahar id-dieħel se jinfetaħ iċ-ċentru komunitarju tal-Qala fejn se jkun offrut servizz mhux biss ta’ tabib u infermier imma wkoll servizz tal-oftalmoloġija.

F’Malta, is-sena d-dieħla se jkunu qegħdin jinfetħu wkoll minn tal-inqas seba’ ċentri tas-saħħa kommunitarja oħra fis-Siġġiewi, f’Birżebbuġa, San Ġiljan, San Pawl il-Baħar, Burmarrad, Pembroke u Ħaż-Żebbuġ.

U quddiem dinja li qiegħda tipprogressa b’ritmu mgħaġġel ħafna fil-proċess tad-diġitalizzazzjoni, l-investiment f’dan is-settur jagħmilha possibbli biex kulħadd f’Malta u Għawdex jagħmel użu minn kwalunkwe Ċentru tas-Saħħa jew Klinika tal-Kura tas-Saħħa Primarja, u dan peress li l-informazzjoni tal-pazjent hija diġitalizzata u għalhekk aċċessibbli minn kull klinika.

Fil-kuntest ta’ dan il-progress kollu jista jkun hawn min jistaqsi jekk għadx baqa’ sfidi x’jiġu indirizzati. L-isfidi qedgħin hemm u se jibqgħu hemm dejjem. Nemmnu iżda li l-investiment f’dan is-settur se jibqa’ biex pajjiżna jżomm il-pass mal-aqwa servizzi tas-saħħa fl-Ewropa u jekk mhux ukoll madwar id-dinja.

Jibqa’ wkoll il-bżonn li nħeġġu kemm jista’ jkun aktar żgħażagħ jagħżlu karriera u jitħarrġu f’dan is-settur hekk vitali biex inkunu nistgħu niġġieldu l-ikbar sfida li tibqa’ dik tar-riżorsa umana. Fejn tidħol kritika, nemmnu li iva għandha tinġibed l-ispaga fejn ikun qiegħed isir jew ħażin jew mhux daqstant tajjeb għaliex kulħadd għandu dritt għal servizz tal-kura tas-saħħa li joffri dinjità.

Ma dan, għandu jkun hemm ukoll tmexxija li tara li dawn il-ħafna servizzi jaħdmu f’ċiklu li jwassal biex jiġi minimizzat id-dewmien ta’ stennija għal ċertu interventi fosthom tal-ortopedija.

Sport