Saturday, November 23, 2024

Se jirdoppja l-investiment fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Gvern se jwaqqaf awtorità ġdida dwar it-tibdil fil-klima bil-għan li jissaħħaħ il-moniteraġġ ċentrali tal-impatt tal-attivitajiet differenti klimatiċi. Fl-istess waqt il-Gvern se jirdoppja l-investiment għat-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’pajjiżna.

Dan ħabbru l-Prim Ministru Robert Abela waqt laqgħa tal-MCESD li saret illum fil-Berġa ta’ Kastilja. Din il-laqgħa saħansitra kienet imsejħa mill-Prim Ministru stess bil-għan li l-imsieħba soċjali jingħataw tagħrif dwar is-sitwazzjoni preżenti u x’miżuri hemm imħejjija għall-ġejjieni f’dan is-settur.

Fl-indirizz tiegħu, il-Prim Ministru qal li r-realtà turina li ċ-ċirkostanzi preżenti jitolbu li l-pjan ta’ ħidma jiġi aċċellerat hekk kif dan il-fenomenu tat-tibdil fil-klima qiegħed jaċċellera ruħu ferm aktar minn dak li bassru l-aqwa esperti f’dan is-suġġett.

Stqarr li għalhekk irridu nħejju ruħna sew għal meta jinqalgħu ċirkostanzi estremi bħalma kellna f’dawn l-aħħar jiem. Kien hawn fejn ħabbar li huwa assenja lis-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana biex jikkordina t-tfassil ta’ protokoll għal meta jkollna pressjonijiet ta’ effetti klimatiċi.

“Protokoll li se jistabbilixxi b’mod aktar ċar il-mekkaniżmu ta’ kif jirreaġixxi l-pajjiż fl-immedjat meta jkun rinfaċċjat b’dawn il-pressjonijiet,” tenna l-Prim Ministru. Huwa kompla jispjega li pajjiżna diġà beda jimplimenta l-pjan b’investiment ta’ €15-il miljun fuq it-titjib fis-sistema tad-distribuzzjoni iżda r-realtajiet tal-isfida klimatika juru biċ-ċar li dak li jista’ jsir qabel, għandu isir qabel u għalhekk is-sena d-dieħla, il-pajjiż se jinvesti €30 miljun f’dan ir-rigward.

Spjega wkoll li bħala pajjiż, fuq parir tat-tekniċi tal-Enemalta, irridu nlestu ċentri ta’ distribuzzjoni ġodda u nkabbru oħrajn ħalli jkollna aktar substations ġodda u jiżdiedu kilometru ta’ cables favur sistema aktar robusta.

Il-Prim Ministru żied jispjega li twettaq eżerċizzju fejn ġew direzzjonati €40 miljun f’fondi Ewropej oħra mill-Fond ta’ Aġġustament tal-BREXIT lejn il-Pjan ta’ Rkupru, b’kapitlu speċifiku magħruf bħala RePower EU. Qal li l-Pjan imressaq mill-Gvern Malti kien diġà meqjus bħala l-aktar wieħed ambjentalment b’saħħtu mill-Unjoni Ewropea u wara l-approvazzjoni tiegħu, issa tela’ għal kważi €330 miljun, li jfisser €70 miljun aktar ta’ fondi li bihom se jkomplu jiġu implimentati riformi importanti fil-qasam tal-enerġija.

Semma wkoll azzjonijiet konkreti li jilqgħu għat-tibdil fil-klima, fosthom investiment ta’ enerġija rinnovabbli fuq binjiet bi żminijiet iqsar biex dawn isiru, investiment b’saħħtu fil-grid elettriku li jkun lest jilqa’ fih anki l-enerġija rinnovabbli u anki pjanijiet ta’ sostenn għal min jagħmel xogħlijiet biex iżid l-effiċjenza fl-użu ta’ enerġija. Dan tal-aħħar ikun jgħodd għall-binjiet pubbliċi iżda anki privati bħal skejjel u uffiċini.

Fl-aħħar nett huwa aċċenna dwar il-fatt li t-tranżizzojni ekonomika li qed jimbotta l-Gvern trid tkun ukoll kontributur ewlieni biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-lum u ta’ għada fosthom dawk marbuta mat-tibdil fil-klima.

Għal-laqgħa tal-MCESD attendew ukoll il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana, is-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Glenn Micallef.

Sport