Monday, December 9, 2024

Se jitħabbru dettalji dwar qabża fil-kwalità għar-Reġistru tal-Artijiet

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Qasam ieħor fejn jeħtieġ li l-pajjiż jagħmel qabża fil-kwalità huwa dak tar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet.” Stqarr dan il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi meta kien qed jindirizza l-Parlament waqt id-diskussjoni fuq l-estimi finanzjarji tal-Ministeru tiegħu.

Fid-diskors tiegħu, huwa fakkar li l-liġi oriġinali kienet iddaħħlet fis-seħħ minn Gvern Laburista fl-1982 u li dakinhar, il-liġi kellha li skop li timmodernizza kif isir it-trasferiment tal-propjetà fil-pajjiż.

Huwa żied jgħid li wara li għaddew aktar minn 40 sena mid-dħul fis-seħħ tal-liġi, għadna wasalna biss għar-reġistrazzjoni ta’ 56% tal-art kollha f’Malta u Għawdex. “Wasal iż-żmien”, qal il-Ministru, “li naraw li s-sistema marbuta mar-Reġistru tal-Artijiet tinfirex mal-pajjiż kollu. Dan mhuwiex proċess li jsir mil-lum għal għada, qal il-Ministru, u fil-jiem li ġejjin se jkollu l-opportunita jfisser f’ħafna aktar dettal dwar dak li l-gvern ħa jkun qed ifassal għaż-żmien li ġej.”

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li l-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet illum qegħda tagħmel xogħol enormi u dan ix-xogħol kompla jiżdied wara li l-Gvern kien iddikjara li l-artijiet tal-Knisja li qed jiġu rreġistrati f’isem il-Gvern dawn jibdew jitqiesu bħala Artijiet ta’ Reġistrazzjoni. Huwa ta xi eżempji tax-xogħol tal-Aġenzija fejn qal li din din is-sena kellha aktar min 20,000 talba għal-riċerki.

Huwa qal li għalhekk il-Gvern ħass li għandu jkompli jinvesti fl-Aġenzija u se jara li jkollha strateġija biex b’miri ċara għall-viċin u anke għat-tul taż-żmien tkun turi d-direzzjoni lejn Malta li tkun kollha Land Registration Area.

Il-Gvern irid jara li fit-tħaddim tiegħu dan l-uffiċċju jasal għaż-żminijiet tal-lum, permezz ta’ proċess robust ta’ diġitaliżazzjoni billi fost affarijiet oħra, jibda jitħaddem is-software ġdid li inkiseb mill-gvern bil-għan li is-servizzi mogħtija jingħataw b’aktar effiċjenza.

Il-Ministru saħaq li din hija bidla li trid issir bi ħsieb, l-ewwel biex jiġi spjegat kontinwament fejn irridu mmorru. Imbagħad hemm bżonn il-kollaborazzjoni ta’ li stakholders kollha fil-pajjiż biex ikunu parti minn din il-bidla li ser issir biex nimmodernizzaw il-mod kif isir it-trasferiment tal-propjeta fil-pajjiż.

Hemm bżonn qal il-Ministru, li jkollna l-akbar kunsens nazzjonali wiesgħa għax dan huwa proċess li għandu bżonn iż-żmien u jrid jiġi żgurat li kif jibda dan il-proġett, flimkien nagħtu lill-pajjiż dik il-bidla li bdiet titfassal aktar minn 40 sena ilu u li iżda s’issa, għadna ma wasalniex.  

Tkellem ukoll dwar ix-xogħol li qed isir mill-Uffiċċju Konġunt li jirreġistra propjetajiet tal-Knisja li skont il-ftehim bejn il-gvern u s-Sante Sede lura fl-1991, iridu jgħaddu għand il-Gvern. S’issa ġew irreġistrati 67% ta’ dawn il-propjetajiet u l-impenn tal-Gvern huwa li fis-sentejn, tlieta li ġejjin din iċ-ċifra titla ghal 90%. Huwa qal li din is-sena l-Uffiċċju Konġunt ingħata personalita legali bħala Korp Speċjalizzat taħt l-Att dwar l-Amministrzzjoni Pubblika.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport