Monday, December 9, 2024

“Se jiżdiedu dawk bla saqaf fuq rashom” – Id-Direttur tal-Caritas

Aqra wkoll

Id-Direttur tal-Caritas jitkellem dwar l-isfidi tal-Covid-19 mil-lat soċjali u kif saru l-arranġamenti biex is-servizz ikompli jingħata

Minn Maria Azzopardi

Bla dubju li l-Covid-19 qed iħalli l-effetti tiegħu f’bosta sferi tas-soċjetà. Minkejja li huwa tajjeb li wieħed jindirizza l-aspett ekonomiku, daqstant tajjeb huwa li wieħed jirrifletti ftit dwar kif dan il-virus qed iħalli l-effetti tiegħu mil-lat soċjali. Dan is-sit tkellem mad-Direttur tal-Caritas u l-Psikologu Anthony Gatt  fejn qal li ovjament dan huwa żmien ta’ sfida u insigurtà għal kulħadd pero hemm nies li huma iktar vulnerabbli għall-firxa wiesgħa ta’ effetti li ġa miegħu l-Covid-19.

Minħabba l-biża’ li l-imxija tal-Covid-19 tasal ukoll fi djar ta’ rijabilitazzjoni, dawn iċ-ċentri f’Malta kollha għamlu restrizzjoni kbar biex wieħed jidħol għal programm. Dan sar biex jiġu protetti r-residenti li jinsabu ġewwa. Gatt spjega li dawk li forsi xtaqu jieħdu azzjoni jew kienu mexjin lejn pjan li jidħlu programm raw li fl-immedjat dan mhux possibbli. 

Intant iċ-ċentri li jagħmlu detox residenzjali wkoll għandhom restrizzjonijiet. 

“Numru ta’ restrizzjonijiet… il-kuntatt uman ma tistax tirreplikah kollu permezz ta’ kamera”

Anthony Gatt

Gatt qal li dan kollu għandu impatt speċjalment għal min jixtieq jidħol fi programm. “Dawk il-persuni jistgħu jħossuhom imweħħla u jekk bniedem ikollu bżonn għajnuna intensiva biex joħroġ mill-vizzju, jekk din mhux se tkun disponibbli, allura persuna tista’ taqta’ qalbha. Ħafna mis-servizzi qed jagħmlu użu mill-mezzi ta’ komunikazzjoni biex isiru interventi t’għajnuna flok laqgħat ‘face to face’ biex jagħtu wens kif jistgħu. Hemm tbatija wkoll għal dawk li jinsabu ġewwa fi programm li kienu waslu biex jimxu ‘l quddiem f’fażi ta’ reintegrazzjoni fis-soċjetà. F’dan il-każ dawn jistgħu jħossuhom imwaħħlin. Tbatija oħra hi li l-viżti tat-tfal inqatgħu u qed jintużaw video calls biex ipattu għan-nuqqas fiżiku. Imma l-kuntatt uman ma tistax tirreplikah kollu permezz ta’ kamera.”

Gatt spjega li wieħed mill-ikbar inkwiet jibqa’ dawk li jiġu darhom mal-ħajt għax spiċċaw mingħajr flus għad-droga; dawk li spiċċaw homeless; u dawk li spiċċaw darhom mal-ħajt. Għal din ir-raġuni, Gatt jemmen li hemm bżonn li nirrispondi billi nipprovdu postijiet ta’ kwarantina qabel ma’ wieħed jidħol programm.

“Sitwazzjoni fejn is-solitudni u l-element ta’ iżolament jista’ jiżdied”

Anthony Gatt

Mistoqsi dwar x’jaħseb dwar ir-realtà ta’ solitudni f’dawn iż-żminijiet, speċjalment minħabba l-fatt li ħafna mill-attivitajiet soċjali twaqqfu, Gatt qal li tassew dawk li diġà kienu qed ibatu mis-solitudni, f’dan iż-żmien din it-tbatija tista’ tiżdied.

“Nieħu minn persuna li kienet tattendi waħda mis-support groups tal-Caritas li ġiet emozjonata meta saret taf li mhux se niltaqgħu għalissa. Din il-persuna ġiet emozzjonata u esprimiet kif il-grupp kien itaffi mis-solitudni u issa mhux se ssib dan l-appoġġ. Hawnhekk qed nippruvaw nagħmlu użu mill-internet u programmi fejn ċertu gruppi jsiru onlajn, imma mhux kulħadd għandu l-aċċess,” qal Gatt.

Huwa żied jgħid li barra dawk li diġà kienu qed ibatu mis-solitudni, din is-sitwazzjoni qed tlaqqahom ma’ sitwazzjoni ta’ tbatija li ġejja mill-iżolament bħal pereżempju jekk persuna li missierha jew ommha anzjani huma rikoverati l-isptar minħabba l-Covid-19 u t-tfal jew l-partner ma jistax imur jagħmel viżta. Dan l-element jidher ukoll fil-każ fejn twaqqfu l-viżti lill-anzjani fid-djar residenzjali.

Gatt qal, “Wieħed jifhem dawn ir-restrizzjonijiet imma ltqajna ma’ nies inkwetati għax jafu li l-ġenitur anzjan tagħhom kien jiddependi minn dik il-viżta ta’ tfal ġol-ħome biex iżomm il-moral għoli. Hemm ukoll it-tbatija ta’ dawk li qegħdin fuq is-sodda tal-mewt u ma jistgħux ikunu mdawwra b’dawk li jħobbu u dawk li tilfu lil xi ħadd għażiż u kulma jistgħu jagħmlu jassistu għad-difna mingħajr funeral kif jixraq. Hawnhekk il-proċess imsejjaħ ta’ bereavement isir iktar diffiċli.”

“Pjan ta’ kontinġenza f’każ ta’ lockdown fejn l-istaff jibqa’ jgħix mar-residenti għal perjodu”

Anthony Gatt

Dan il-ġurnal staqsa wkoll lil Gatt dwar ir-realtà għal dawk in-nies li jinsabu mingħajr dar u x’tip ta’ għajnuna qed tiġi offruta. Gatt spjega li nies li huma fix-xelteres tal-homeless huma wkoll affetwati minn din is-sitwazzjoni. Peress li dawn iċ-ċentri jkun hemm numru ta’ persuni jgħixu flimkien issir għalihom diffiċli li jmorru għax-xogħol għax jekk jimirdu huma jkunu ta’ riskju għar-residenti oħra. 

“Hawnhekk ukoll qed jitpoġġew restrizzjonijiet fuq id-dħul. Fid-djar residenzjali inġenerali hemm enfażi kbira fuq il-prevenzjoni, il-ħasil tal-idejn mad-dħul u l-ħruġ u anke spiss matul il-ġurnata, l-użu ta’ deterġent fl-ispazji li jintużaw ta’ spiss u użu ta’ ingwanti,” qal Gatt.

“Provvedimenti biex kull dar ikollha kamra ta’ iżolament”

Anthony Gatt

Apparti minn hekk qed isiru provvedimenti biex kull dar ikollha kamra ta’ iżolament f’każ li xi ħadd ikun ma jiflaħx jew b’suspett tal-Covid 19. Gatt spjega li l-istaff qed jitqassmu f’timijiet differenti b’mod li tim ma jiltaqax ma’ ieħor f’xiftijiet partikolari ħalli jitnaqqas ir-riskju tal-imxija tal-virus. 

Hemm enfasi kbira wkoll mal-istaff fuq l-attenzjoni fil-ħajja personali tagħhom biex jipprevjenu li jaqbadhom il-virus u jżommu s-social distancing għall-istess għan. Intant, Gatt qal ukoll li qed isiru pjani ta’ kontinġenza f’każ li ssir deċiżjoni ta’ lockdown fejn l-istaff jibqa’ jgħix mar-residenti għal xi perjodu filwaqt li qed isiru pjanijiet dwar kif issir il-kwarantina jekk tidħol il-Covid-19 f’xi dar. B’mod partikolari, żied jgħid Gatt, hemm enfasi qawwija fuq il-prevenzjoni.

“Se naraw realtà ta’ homeless li tiżdied fiż-żminijiet li ġejjin”

Anthony Gatt

Gatt qal li diġà bdew jaraw sitwazzjonijiet ta’ nies li sfortunatament spiċċaw bla xogħol u jiġu homeless għax ma laħqux mal-kera jew sitwazzjonijiet ta’ persuni barranin li ilhom jaħdmu hawn li ma ġġedidilhomx il-permess tax-xogħol imma ma jistgħux jaqbdu ajruplan lura jew wara li ilhom snin hawn ma jixtiequx imorru lura. Fil-fatt huwa qal li mistenni naraw realtà ta’ homeless li tiżdied fiż-żminijiet li ġejjin.

Min-naħa l-oħra, Gatt qal li raw ukoll kuntratturi u sidien ġenerużi li qed jippruvaw iżommu l-ħaddiema jew jibqgħu jipprovdu lill-impjegati barranin taħghom għajnuna biex jgħixu anke jekk naqas ix-xogħol u li dawn qed ikunu ta’ eżempju għall-oħrajn. Fuq nota oħra pożittiva kien hemm ukoll xi sidien ta’ apaprtament li ddeċidew iraħħsu l-kera biex dawk il-persuni li għaddejin minn kriżi għax naqsilhom l-income, ikunu jistgħu jibqgħu jgħixu hemm. Gatt sostna li dawn ukoll għandhom ikunu eżempju għall-oħrajn.

“Persuni minn pajjiżi terzi huma fost dawk l-iktar vulnerabbli, pero rridu niftakru kemm dawn il-persuni għenu biex l-ekonomija li niftaħħru biha setgħet imxiet ‘il quddiem. Issa l-mument li nuru solidarjetà ma’ dawn il-persuni u nżommu f’moħħna wkoll li biex l-ekonomika terġa’ tibda tieħu r-ruħ meta tgħaddi l-imxija ma nistgħux nitilfu l-workforce. Nemmen li kull qalb trid oħra u kif nimxu ma’ dawk l-iktar vulnerabbli juri s-saħħa soċjali u morali ta’ pajjiżna,” qal Gatt.

“L-ikel qed jitqassam f’lunch boxes minflok jiġi offrut fil-kamra tal-ikel”

Anthony Gatt

Gatt spjega li ġewwa Dar Papa Franġisku, li hu shelter ta’ emerġenza fejn tingħata ikla bla ħlas għal min hu fil-bżonn servizz ta’ Fondazzjoni Dar il-Hena li ġiet mwaqqfa bejn il-Caritas, il-Gvern u l-Alfred Mizzi Foundation, l-ikel issa qed jitqassam f’lunch boxes flok ma’ jiġi offrut fil-kamra tal-ikel u dawn qed jitqassmu f’perjodu itwal biex jonqsu n-nies li joqgħodu fi kju. Apparti minn hekk qed jiġu organizzati deliveries għal dawk li minħabba restrizzjonijiet ma jkunux jistgħu joħorġu mid-dar.

“Kuntatt mal-parroċċi biex jiġu identifikati persuni fil-bżonn”

Anthony Gatt

Id-Direttur tal-Caritas qal li permezz tal-Unit tad-Djakonija (ħidma soċjali) tal-Caritas, qegħdin ukoll f’kuntatt mal-parroċċi u qegħdin jiġu identifikati persuni fil-bżonn biex jorganizzaw dan is-servizz tal-ikel għalihom. Huma qegħdin ukoll f’kollaborazzjoni u kuntatt ma’ entitajiet tal-knisja u privati biex jintlaħaq dan l-iskop.

Fuq nota pożittiva, żied jgħid Gatt, hemm ukoll l-inizjattiva tal-Gvern li tipprovdi l-ikel li hija l-Foodbank u numru ta’ inizjattivi privati.

“Kulħadd huwa responsabbli li jagħmel il-biċċa tiegħu”

Anthony Gatt

“Qed jinħass dejjem iktar il-bżonn ta’ koordinament biex ħadd ma jispiċċa jbati minn xi nuqqas. Nemmen li bħala pajjiż jekk inkomplu niġu flimkien, min m’għandux ikun jista’ jgħix ma’ min għandu. L-inizjattivi tal-gvern li ġew imnedija fl-aħħar ġimgħat huma ta’ soljev kbir u ta’ serħan il-moħħ għal ħafna, pero se jkun hemm bżonn iktar u kulħadd għandu jħossu responsabbli u jagħmel il-biċċa tiegħu. Niftakar fl-avveniment ta’ ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, meta Kristu talab lid-dixxipli x’għandhom u resqulu tifel b’ħames ħobżiet u żewġ ħutiet… jekk kulħadd ipoġġi għas-servizz tal-oħrajn dak li għandu (min ftit u min ħafna) kulħadd jiekol bil-bosta u ħadd ma jbati żżejjed u bla bżonn,” temm jgħid Gatt.

Ekonomija

Sport