Saturday, May 4, 2024

Żur il-Forti Sant’Anġlu u esperjenza wirja unika b’mod virtwali

Aqra wkoll

Wara s-suċċess tal-wirja temporanja bl-isem ‘Behind Closed Doors: Fort St Angelo and the Royal Navy 1906-1979’ ġewwa l-Forti Sant’Anġlu, kif ukoll in vista taċ-ċirkostanzi preżenti, b’sodisfazzjon, Heritage Malta qiegħdha tippreżenta l-wirja b’mod sħiħ, din id-darba f’verżjoni diġitali, fuq is-sit elettroniku tagħha. Din l-għodda tagħti l-opportunità lil kull min juża l-Internet sabiex iżuru l-wirja sħiħa ta’ Behind Closed Doors billi jesploraw kwalunkwe sezzjoni li jixtiequ fi ħdanha.

“41 sena ilu, pajjiżna kiseb il-ħelsien, iżda kiseb ukoll l-aċċess għal sit li dejjem kien miżmum mill-ħakkiem,” spjega Noel Zammit, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta. “Permezz tat-teknoloġija, xorta waħda nistgħu nibqgħu ngawdu dan is-sit uniku, minkejja dak li għaddejjin minnu.” 

Behind Closed Doors tagħti ħarsa profonda lejn l-irwoli ta’ Forti Sant’Anġlu waqt l-okkupazzjoni tal-flotta Britannika.

Il-qofol tal-wirja, iżda, huma r-rakkonti personali ta’ eks uffiċjali tas-Servizzi Britanniċi Maltin u Britanniċi, li ħadmu fl-istess Forti waqt dan il-perjodu. Heritage Malta hi kburija li qiegħdha tippreżenta l-filmati bl-intervisti ta’ dawn l-eks-kollegi, ritratti u tifkiriet oħra, li minnhom wieħed verament iħoss sens qawwi ta’ appartenenza għal dan is-sit u fażi importanti fl-istorja ta’ Malta.

“Din il-wirja turi d-dedikazzjoni ta’ Heritage Malta lejn l-avvanz tal-wirt kulturali u storiku fiż-żmien modern u diġitali, filwaqt li tassigura aċċessibbilità akbar għal kulħadd,” stqarr José Herrera, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali. “Illum iktar minn qatt qabel, il-preżenza online tal-Aġenzija hi kruċjali.”

Din l-inizjattiva hija possibbli grazzi għal ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn Heritage Malta u Dhalia Properties. Behind Closed Doors hija disponibbli b’xejn fuq https://heritagemalta.org/bcd/

Sport