Sunday, May 5, 2024

Se jiżdiedu l-frekwenzi fuq diversi rotot ta’ matul il-lejl

Aqra wkoll

Malta Public Transport ħabbret żieda fil-frekwenzi fuq diversi rotot ta’ matul il-lejl mill-21 ta’ Mejju 2023 biex tipprovdi soluzzjoni tal-ivvjaġġar aktar konvenjenti u effiċjenti għall-passiġġieri.

Għal dawk li jivvjaġġaw bejn il-Belt Valletta u San Ġiljan matul il-lejl, il-frekwenza fuq ir-Rotta bil-Lejl N13 tjiebet b’mod sinifikanti, bi tluq mill-Belt jew minn San Ġiljan isir kull 10 minuti bejn l-23:10hrs u 00:10hrs. Is-servizz imbagħad ikompli jopera bi frekwenza ta’ kull 20 minuta sas-01:30hrs matul il-ġimgħa, filwaqt li nhar il-Ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd is-servizz se jiġi estiż sa 02:10hrs.

Passiġġieri li jivvjaġġaw bil-lejl bejn Sliema Ferries u Buġibba għadhom ikunu jafu li r-Rotta ta’ bil-Lejl N212 issa se topera kuljum minflok il-Ġimgħa u s-Sibt biss. Il-karozzi tal-linja se jgħaddu kull 30 minuta, bit-tluq minn Buġibba lejn Sliema Ferries jibda fit-23:50hrs u jkompli sas-01:20hrs, filwaqt li t-tluq minn Sliema Ferries lejn Buġibba jibda fit-23:10hrs, bl-aħħar tluq fis-00:40hrs. .

Għal dawk li jivvjaġġaw bejn San Ġiljan u ċ-Ċirkewwa matul il-lejl, l-N11 Night Route issa se topera kull 30 minuta nhar ta’ Ġimgħa u Sibt. Tluq miċ-Ċirkewwa lejn San Ġiljan jibda fit-23:05hrs, bl-aħħar tluq fis-02:05hrs. Tluq minn San Ġiljan lejn iċ-Ċirkewwa jibda fis-00:55hrs, bl-aħħar tluq fit-03:05hrs.

David Alvarez, id-Direttur tal-Operat ta’ Malta Public Transport qal: “Dan it-titjib fis-servizz jirrifletti l-impenn ta’ Malta Public Transport li tipprovdi netwerk ta’ trasport affidabbli u effiċjenti li jaħseb għall-ħtiġijiet diversi tal-passiġġieri tagħna. Aħna ddedikati biex intejbu kontinwament is-servizzi tagħna u nagħmlu t-trasport pubbliku għażla vijabbli u konvenjenti għal kulħadd.”

Malta Public Transport tixtieq tfakkar lill-pubbliku li r-Rotot ta’ bil-Lejl, simili għal Servizzi ta’ matul il-Ġurnata u Servizzi Speċjali huma inklużi fl-iskema tat-Trasport Pubbliku b’Xejn.

Sabiex jibbenefikaw mit-trasport pubbliku b’xejn, il-passiġġieri huma meħtieġa li jkollhom Tallinja Card personalizzata valida u jużawha mal-magna tal-biljetti kull darba li jitilgħu fuq il-karozza tal-linja. Passiġġieri mingħajr Tallinja Card iridu jixtru l-biljett tagħhom abbord il-karozza tal-linja. Għal aktar tagħrif dwar ir-rotot u l-iskedi tal-karozzi tal-linja aġġornati, jekk jogħġbok żur il-websajt tal-Malta Public Transport fuq www.publictransport.com.mt

Sport