Sunday, November 24, 2024

Se jiżdiedu l-Maġistrati biex jonqsu l-inkjesti pendenti

… binja ġdida b’erba’ awli oħra għall-kawżi kriminali

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-jiem li ġejjin, il-bank tal-ġudikatura se jiżdied b’erba’ maġistrati ġodda bil-għan li jonqsu l-inkjesti li hemm pendenti fil-Qrati. Iż-żieda ta’ erba’ maġistrati oħra saret possibbli wara konsultazzjoni mal-Prim Imħallef. Ħabbar dan il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard f’konferenza stampa li matulha nieda l-ewwel fażi mir-riforma tal-inkjesti maġisterjali.

Il-Ministru Attard beda biex spjega kif fil-jiem li ġejjin ser tkun qed toħroġ sejħa għal ħames maġistrati, erbgħa addizzjonali u ieħor biex jissostitwixxi lill-Maġistrat li ġiet elevata għal Imħallef. B’hekk il-Prim Imħallef ser ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-fakultà li jassenja erba’ Maġistrati biex jiffukaw fuq xogħol marbut mal-inkjesti maġisterjali.

Din is-sejħa ssegwi proċess li għadu kif ġie konkluż fl-aħħar jiem bl-għażla ta’ tliet imħallfin ġodda, fejn illum għandna l-akbar numru ta’ membri ta’ ġudikatura fl-istorja.
“Meta nsaħħu l-membri tal-ġudikatura, inkunu qed insaħħu r-riżorsi umani fil-Qrati tagħna,” qal il-Ministru Attard. “Dħalna f’din it-tieni sena tal-leġiżlatura u rajna kif il-Korp tal-Ġudikatura jiżdied b’ħames imħallfin u żewġ maġistrati addizzjonali.”

Huwa spjega li sal-lum pajjiżna għandu 1,723 inkjesti maġisterjali pendenti, uħud minnhom li jmorru lura saħansitra erbgħin sena. Din kienet ċifra li baqgħet konsistenti matul is-snin. “B’konsultazzjoni mal-Prim Imħallef rajna kif b’erba’ maġistrati addizzjonali nindirizzaw l-ammont ta’ inkjesti pendenti,” tenna jgħid il-Ministru Attard.

Il-Gvern se jara wkoll li jkun hemm struttura li tikkumplimenta struttura amministrattiva aktar effiċjenti fejn jidħlu inkjesti maġisterjali fl-istess ħin li jibda jiġi elevat numru ta’ xogħol minn fuq il-maġistrati l-oħra sabiex ikunu jistgħu jiffukaw fuq proċeduri oħra.

Sadanittant, se tkun qiegħda titressaq riforma leġiżlattiva oħra għall-konsultazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-esperti li jiġu mqabbdin mill-Qrati.

Din ir-riforma se timxi b’mod paralell ma’ dik dwar l-inkjesti pendenti. Dan filwaqt li mistennija jiddaħħlu provvedimenti sabiex ikun hemm approċċ aktar sensibbli għall-vittmi u qrabathom.

Il-Ministru Attard qal ukoll li f’din l-aħħar sena twettqu l-maġġoranza assoluta tal-ħsibijiet imressqa mill-Prim Imħallef fil-ftuħ tas-sena forensi tas-sena li għaddiet. Dan b’mod partikolari fit-tisħiħ tar-riżorsi umani, fejn ħarġu sejħiet b’mod immedjati għal żewġ imħallfin u żewġ maġistrati ġodda.

Huwa qal li bħalissa hemm total ta’ 491 ħaddiema fi ħdan l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati. Minbarra l-ingaġġ, qed isir ħidma kontinwa biex il-ħaddiema jingħataw it-taħriġ neċessarju biex jissaħħaħ is-servizz offrut.

Tkellem ukoll dwar l-investiment fl-infrastruttura fejn qal li l-Gvern daħal f’disksussjonijiet mal-Aġenzija sabiex jesploraw kif jistgħu jimmassimizzaw binjiet preżenti u jespandu għal binjiet alternattivi.

Fi ftit xhur ġew inawgurati uffiċini ġodda għall-ġudikatura fil-binja priċnipali u beda x-xogħol fuq awla kriminali ġdida beix tkun attrezzata għall-ġurijiet.

Fil-Qorti tal-Familja żdiedet ukoll awla oħra, filwaqt li fiż-żmien li ġej mistenni jibda x-xogħol fuq binja oħra li se tikkonsisti f’erba’ awli, li se jiffukaw l-aktar fuq il-kawżi kriminali.

Dwar il-Qorti f’Għawdex, il-Ministru Attard semma li kienet ħarġet “market consultation” mill-Ministeru li issa waslet fl-aħħar fażi tagħha. Huwa semma wkoll li fl-aħħar sena tressqu aktar minn 18-il abbozz fil-Parlament inkluż id-dritt ta’ smigħ ta’ kważi kostitiuzzjonali f’Għawdex.

Dwar ir-riforma fil-proċess tal-kumpilazzjonijiet u r-rinviji, għaddej proċess intern fejn qed ikunu kkunsidrati s-sottomissjonijiet li saru mill-pubbliku, b’tali mod li jitressaq abbozz ta’ liġi fil-Parlament.

Sport