Thursday, March 28, 2024

SE JKUN HEMM FEJQAN?

Aqra wkoll

Miktub minn Alfred Sant

Kien hemm persuna li ċemplitli b’mistoqsija: Se jkun hemm fejqan?

Għaddejja riċerka qawwija, għedt, dwar kif nistgħu nilqgħu għall-corona virus, b’duwa kimika li qed titlesta. Kemm se ndumu biex naslu għaliha, dwar hekk ma nafx, u naħseb ħadd ma jaf.

Jista’ jkun ukoll li d-duwa tinstab filli l-istess ġisem tal-bniedem jitgħallem jilqa’ għaliha. Matul is-sekli, jgħidulna, kien hemm ħafna imxijiet li llum m’għad baqagħlhom l-ebda effett qawwi fuq il-bniedem għax il-ġisem tiegħu dara kif jilqagħlhom. Meta iżda bnedmin imorru f’żoni fejn bnedmin oħra baqgħu jgħixu iżolati, tal-aħħar inqerdu mill-mard li għalih ma kellhomx protezzjoni u li tal-ewwel ġarrew magħhom.

Għal li ġej, se jinħolqu imxijiet ġodda oħra, għax bħal ma jiżviluppa l-ġisem tal-bniedem, jiżviluppaw il-viri u l-bakterja. Misterju ta’ kull forma ta’ ħajja hu li l-eżistenza tagħha tinbidel bla waqfien.

QBIL… 

Qrib il-bidu tal-Ġimgħa l-Kbira l-ministri tal-finanzi taż-żona ewro qablu fuq it-tielet miżura ta’ ħarsien finanzjarju biex issostni l-ekonomiji u l-finanzi tal-pajjiżi membri għalissa u għal li ġej. Taw ukoll indikazzjoni li se jiddiskutu u jlestu pakkett ieħor ta’ appoġġ finanzjarju għaż-żmien meta, wara li tkun inqerdet l-imxija tal-corona virus, il-mira ssir dik  li l-ekonomiji Ewropej jirkupraw mill-ħsara li se jkunu ġarrbu.

L-ideja ta’ dejn Ewropew wieħed li kulħadd iġorr responsabbiltà għalih flimkien ma għaddietx. Minflok, 240 biljuni ta’ ewro se jkunu lesti jinħarġu mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà li nbena fl-aħħar snin mill-pajjiżi membri tal-ewro biex ikun jista’ jagħti appoġġ finanzjarju fi żmien imwiegħer. Se jkunu fondi li jistgħu jintużaw biss għal proġetti ta’ sanità publika fil-ġlieda kontra l-corona virus.

Niddubita kemm id-deċiżjonijiet li ttieħdu se jissodisfaw il-ħtieġa ta’ bosta pajjiżi għal appoġġ qawwi ħafna fit-twegħir fejn jinsabu. Issa naraw.

GLOBALIZZATI

Diskors li qam fl-Ewropa fl-aħħar ġimgħat jirrigwarda problema “strateġika” li tidher ċara. Filfatt, kull meta ssemmiet fl-imgħoddi kien hemm min waqqagħha għaċ-ċajt u l-ħajja baqgħet għaddejja.

Jagħmel sens li l-kontinent Ewropew jispiċċa jiddependi mill-produzzjoni li ssir f’kontinent ieħor ta’ oġġetti essenzjali għall-ħarsien tas-saħħa tal-popli?

Wieħed jista’ jgħid li l-istess mistoqsija tqanqlet minn pajjiżi Ewropej dwar l-istess produzzjoni f’pajjiżi Ewropej oħra u mhux f’pajjiżhom.

Jiġri li meta tqum xi emerġenza kbira u jkollok bżonn dawn il-prodotti mingħand ħaddieħor li qed jaffaċċja l-istess emerġenza,  dal-ħaddieħor se jagħti l-priorità lill-interessi tiegħu… u se jħallik tistenna.

X’għandhom ikunu l-limiti tal-globalizzazzjoni? Jew hu żball li tfassalhom skont il-bżonnijiet li jinqalgħu waqt emerġenza straordinarja?

Ekonomija

Sport