Wednesday, March 27, 2024

“Qed naħdmu fuq politika ta’ ppjanar intelliġenti” – il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia

Aqra wkoll

“Ma rridx li jkun hemm każi fejn lill-awtorità turiha id-debba u tqabbżilha l-ħmara”

Minn VICTOR VELLA

Fl-aħħar snin u anke fl-aħħar xhur smajna b’diversi każi fejn artijiet li jinsab f’Żoni barra l-Iżvilupp (ODZ) spiċċaw żviluppati. Stejjer hemm diversi. Illum, il-Ministeru għall-Ambjent jaqbel li l-ODŻ għandha jitħalla fl-istat naturali tiegħu, Il-Ministru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u Ippjanar, Aaron Farrugia f’intervista ma’ Inewsmalta ddikjara b’mod ċar li “hemm każijiet speċifiċi ħafna li jippermettu żvilupp f’ODZ u nemmen li dan għandu mhux biss ikun imminimizzat iżda li ma jkunx hemm każijiet fejn lill-Awtorità turiha d-debba u tqabżilha l-ħmara.”  Hu ddikjara wkoll li “reviżjoni fil-politika rurali hi fuq nett tal-aġenda tiegħi. Fil-mument qed naħdmu fuq numru ta’ policies li jmissu mal-ippjanar intelliġenti.” Ħabbar li fil-ġranet li ġejjin se tkun finalizzata l-politika dwar is-siit al-pompi tal-petrol.

Nistaqsuh dwar kif wieħed minn nuqqasijiet kbar li naraw li għandna f’pajjiżna hu fejn jidħol il-bini f’nofs il-kampanja. Fl-aħħar ġimgħat rajna l-iżvilupp ta’ razzett tan-nagħaġ fil-wied tal-Bidnija. Dwar dan inti tkellimt ukoll fil-parlament.  Taħseb li pajjiżna għandu jara li fejn hu ODZ ikun veru ODZ?  Taqbel ma’ min jgħid li ODZ m’għandu jsir l-ebda tipi ta’ bini fih?

Ir-reviżjoni fil-politika rurali hi fuq nett tal-aġenda tiegħi. Fil-mument qed naħdmu fuq numru ta’ policies li jmissu mal-ippjanar intelliġenti.  Għandna bżonn fuq quddiem nett il-pjan strateġiku għall-iżvilupp, magħruf bħala SPED, għas-snin li ġejjin. F’dawn il-ġranet, se niffinalizzaw ukoll il-politika dwar is-siti tal-pompi tal-fjuwil. Lil hinn mill-bidla fil-policy, nemmen li l-ikbar bidla trid issir fl-interpretazzjoni tal-policies. Interpretazzjoni laxka twassal għal sfreġji ambjentali li rrid li jiġu evitati. Il-fatt li mill-ewwel ġranet, biddilt il-persuni li fil-passat kienu marbutin ma’ kontroversji u fl-istess waqt bdejna naħdmu biex inbiddlu l-policies, hi indikazzjoni ċara ta’ fejn irrid nara lil pajjiżna jmur fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

Dwar il-fatt li spiss qed naraw li jinbnew strutturi fil-kampanja bi skuża li se jintużaw għal skop agrikolu imma imbagħad finalment ma jintużawx għal skop agrikolu.  Konxju ta’ dan? X’taħseb li għandu jsir?

Dwar il-każ imsemmi, jiġifieri dak tal-Bidnija, l-Awtorità tal-Ippjanar qed taċċerta li mhux biss il-binja ssir skond il-permess li ingħata fl-2018, iżda li l-użu tagħha għadu u se jibqa’ l-istess ma’ dak maħsub oriġinarjament. Hu inaċċettabbli li binja tibdel l-użu oriġinali tagħha meta din tkun inbniet f’ODZ. Hemm każijiet speċifiċi ħafna li jippermettu żvilupp f’ODZ u nemmen li dan għandu mhux biss ikun imminimizzat iżda li ma jkunx hemm każijiet fejn lill-Awtorità turiha d-debba u tqabżilha l-ħmara.

Nistaqsuh ukoll dwar kif xi ħaġa li ilna niddiskutuha imma sa issa studji biss kien hemm hi r-reklamazzjoni tal-art. Taqbel ma’ dan?

Iva naqbel. Irridu naqblu pero dwar liema huma dawk is-siti li jħallu l-inqas ħsara ambjentali u fuq kollox x’użu se jkollhom. Jekk pajjiżna se jkollu spazji ġodda permezz tar-reklamazzjoni tal-art, x’se nagħmlu fuqhom? Reklamazzjoni tal-art hi spiża kbira ħafna. Hawn ukoll irrid nara ppjanar intelliġenti. Naf li dan hu suġġett sensittiv, iżda għandu il-benefiċċji tiegħu wkoll – mhux biss finanzjarji, iżda wkoll ambjentali, fejn wieħed ikun jista juża aħjar l-iskart tal-kostruzzjoni.

Dwar xi pjani hemm f’dan ir-rigward?  Jekk fl-affermattiv meta hu ppjanat li nibdew nirreklamaw il-baħar?

Dan hu suġġett li l-Kabinett tal-Ministri irid jiddiskuti. Hemm studji li jmorru lura numru ta’ amministrazzjonijiet, inkluż studju li sar taħt din l-amministrazzjoni. Nemmen li l-aptit għalih jinsab hemm u r-rwol tiegħi se jkun li nimmassimizzaw il-potenzjal ta’ dawn is-siti filwaqt li nħarsu kemm jista’ jkun l-ambjent. L-istudji saru mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi u huma professjonali.

Lill-Ministru Aaron Farrugia nistaqsuh dwar kif wieħed mill-oqsma li bħalissa l-Ministeru tagħkom qed  jaħdem ħafna fuqu hu dak tal-iskart. Kien hemm xi żblokk fil-kwistjoni li nqalghet mal-bdiewa li ma ridux li l-landfill issir fuq ir-raba’ tagħhom?

Flimkien mal-Prim Ministru smajt il-karba u t-tħassib tal-bdiewa filwaqt li huma semgħu il-bżonn li pajjiżna jagħmel l-investiment meħtieġ biex ikollna faċilitajiet state of the art, nilħqu l-miri tagħna ta’ riciklaġġ u ma nieħdux iktar artijiet fis-snin li ġejjin. Determinat li l-isfidi li sibt jien f’dan is-settur ma jsibhomx is-suċċessur tiegħi, meta jiġi l-waqt. Il-pjan iffinalizzat u issa jeħtieġ li nimplimentawh minnufih.  Il-viżjoni tagħna f’dan ir-rigward hi bbażata fuq il-gid ambjentali, mhux biss illum, imma fit-tul.

Qasam li għadna lura fih hu dak tal-ħdura fil-qalba tal-irħula u mal-faċċati. Għandna rħula li sfortunatament ma tara xejn iħaddar fil-qalba tagħhom. X’taħseb dwar dan?

Sa mill-bidu nett tal-ħidma tiegħi spjegajt kif il-familji Maltin huma sodisfatti bil-proġetti ta’ afforestazzjoni li qed nagħmlu f’żoni rurali, iżda imħassbin dwar iż-żoni residenzjali fejn saħanistra, minħabba proġetti li pajjiżna għandu bżonn, inqalgħu numru ta’ siġar. Kien għalhekk li din il-ġimgħa ħabbart numru ta’ proġetti ambjentali taħt il-kunċett ta’ ‘Inħaddru Pajjiżna’ biex jkollna spazji ta’ rikreazzjoni ftit passi ‘l bogħod minn fejn jgħixu. Dawn li ħabbart din il-gimgħa huma biss l-investimenti inizjali. Dawn se jiżdiedu u fiż-żmien li ġej se ndaħħlu kunċetti ġodda. Irridu naraw rivoluzzjoni ħadra fiż-żoni urbani tagħna, kemm residenzjali u industrijali, u dan se nagħmluh mal-entitajiet kollha li jaqgħu taħt il-portafoll tiegħi, inkluż l-Awtorità tal-Ippjanar li qed timbotta ħafna dawn il-kunċetti favur l-ambjent mal-Awtorità għar-Riżorsi u l-Ambjent..

Insemmulu kif il-COVID-19 jekk m’għamel xejn tajjeb, żgur li mil-lat ambjentali qed naraw tnaqqis fit-tniġġis. Toroq bla karozzi fost l-oħrajn. X’taħseb dwar dan? Wara li jgħaddi kollox għandna nmorru f’direzzjoni li nnaqqsu l-karozzi mit-toroq?

Kulħadd qed jgħid li m’għandniex immorru lura għall-istil ta’ ħajja li konnha ngħixu qabel. Jien minix konvint kemm kulħadd se jżomm kelmtu, pero. Qed ngħixu opportunità biex naraw kif nistgħu naħdmu xorta minghajr ma nniżżlu l-karozzi kollha fit-toroq bil-konsegwenzi ta’ traffiku li konnha qed ngħixu kuljum. Il-COVID-19 se noħorġu minnu eventwalment, iżda t-tibdil fil-klima se jibqa’ hemm. U għalhekk li rrid nispjega lill-poplu hu li t-tibdil fil-klima eventwalment se jkollu impatt fuq l-għixien tagħna, l-istil ta’ ħajja tagħna, ta’ saħħitna, fost ħafna impatti negattivi oħra. 

Staqsejnieh ukoll dwar kif fl-aħħar jiem sar ukoll magħruf li se jinfetaħ l-istaġun tal-kaċċa għas-summien. X’inhuma l-argumenti tagħkom wara din id-deċiżjoni u għaliex l-approvazzjoni ittieħdet fuq livell ta’ Kabinett?

Ġaladarba kien hemm talba li l-istaġun tal-kaċċa jinfetaħ f’dan iż-żmien partikolari, u allura l-impatt li jista’ jkollu fuq is-sigurtà u s-saħħa pubblika, id-deċiżjoni ittieħdet b’mod kolleġġjali mill-Kabinet tal-Ministri. Tifhem li dak li jiġi diskuss fuq dan il-livell hu kunfidenzjali iżda naċċertak li ttieħdu l-pariri kif mitlub ta’ dawk konċernati.

Ekonomija

Sport