Thursday, August 21, 2025

Se jkun qed jinħoloq ċentru ġdid ta’ matul il-jum fil-Gżira għall-anzjani b’diżabilità

Tibda tiġi implimentata miżura oħra mill-Budget ta’ din is-sena

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia żaru propjetà fil-Gżira li se tinbidel fiċ-Ċentru l-ġdid ta’ matul il-jum għall-anzjani b’diżabilità.

Din il-propjetà se tiġi trasferita mill-Awtorità tal-Artijiet lill-Aġenzija Sapport.

Dan it-trasferiment jagħti bidu għall-implimentazzjoni ta’ miżura oħra tal-Budget 2025, bil-għan li jissaħħu s-servizzi u jiġu offruti programmi personalizzati għall-bżonnijiet varji ta’ anzjani b’diżabilità li jattendu s-servizzi tal-aġenzija. Iċ-ċentru, li se jilqa’ fih sa 35 anzjan b’diżabilità, se jindirizza bżonnijiet varji u speċifiċi ta’ dawk li bħalissa jattendu ċ-ċentri l-oħra tal-Aġenzija Sapport.

Permezz ta’ programm adattat u pjan ta’ tranżizzjoni, se jiġu identifikati u indirizzati wkoll il-bżonnijiet loġistiċi, l-ingaġġ ta’ ħaddiema mħarrġa, u r-riżorsi meħtieġa għall-provediment ta’ servizzi individwalizzati.

Bħalissa, il-binja qed tgħaddi minn xogħol ta’ tindif mid-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni. Dan huwa l-ewwel pass biex jibda x-xogħol neċessarju sabiex il-post ikun kompletament aċċessibbli u adegwat għall-użu. L-istima tal-investiment biex jitlesta dan iċ-ċentru hija ta’ aktar minn €200,000.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li “B’dan it-trasferiment mill-Awtorità tal-Artijiet lill-Aġenzija Sapport qed isir l-ewwel pass biex propjetà pubblika tintuża għal skop soċjali ta’ valur kbir. Din il-binja se tinbidel f’ċentru ta’ matul il-jum għall-anzjani b’diżabilità, li se joffri servizzi personalizzati u ambjent adattat għall-bżonnijiet tagħhom.”

Il-Ministru Julia Farrugia spjegat kif “dan il-Gvern huwa wieħed li jwettaq. Dak li nippreżentaw fil-Budget ma jibqax biss fuq il-karta, iżda jinbidel fi proġetti konkreti li jmissu direttament il-ħajja tan-nies. Dan il-proġett mhux biss inizjattiva ta’ infrastruttura, iżda investiment fil-kwalità tal-ħajja, fil-ġieħ u fid-dinjità ta’ kull individwu li se jkun qed igawdi minn dan il-proġett. Għalina, l-inklużjoni mhux biss kelma sabiħa, imma hija prinċipju li jmexxina f’kull deċiżjoni u f’kull miżura li ninvestu fiha. Permezz ta’ dan iċ-ċentru, se nkunu qed noffru servizzi personalizzati, programmi ta’ tranżizzjoni u ambjent sigur u adattat biex l-anzjani b’diżabilità jkunu jistgħu jgħixu ħajja b’aktar indipendenza u ta’ kwalità,” temmet tgħid il-Ministru Farrugia.

Il-proġett mistenni jitlesta sa nofs is-sena d-dieħla. Dan iċ-ċentru se jkun it-12-il wieħed ta’ matul il-jum li tmexxi Aġenzija Sapport, inkluż dak f’Għawdex, u se jkompli jsaħħaħ ix-xibka ta’ servizzi li jippromwovu l-kwalità tal-ħajja u l-indipendenza tal-persuni b’diżabilità.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport