Sunday, December 22, 2024

Se jonqsu għal 1,300 dawk li qed jistennew akkomodazzjoni soċjali

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Sal-aħħar tas-sena, l-ammont ta’ persuni li qegħdin jistennew akkomodazzjoni soċjali se jonqsu għal 1,321. B’hekk il-lista ta’ stennija għall-housing soċjali se tkun naqset għall-inqas livell fl-istorja. 

Kien il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes li ħabbar dan fil-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari. Huwa qal li fuq il-lista ta’ stennija bħalissa hemm mal-1,700 applikant. 

Il-Ministru Galdes ħabbar ukoll li ftit tal-ġimgħat oħra se jingħataw l-ewwel 300 appartament ġdid ta’ housing soċjali. Minbarra hekk, huwa fakkar kif bejn is-sena li għaddiet u din is-sena ġew allokati 700 appartament ieħor minn skemi oħra ta’ għajnuna u minn appartamenti li nbnew għal dan il-għan.

“Din il-ġimgħa se nagħti strateġija ta’ kif se nniżżlu l-waiting lists għal żero u f’liema data u f’liema sena wkoll se nkunu qed inqassmu l-istokk kollu. Qed nibnu 1,700 appartament. Dawn se jidħlu fuq numru ta’ snin. 

“Però rridu nkunu trasparenti fil-mod kif nittrattaw dan. Kellna l-kuraġġ biżżejjed li ngħidu: ‘Iva appartament ma jistax jibqa’ għal għomrok.’ Jekk tidħol f’appartament tal-Gvern trid tgħaddi minn numru ta’ means tests kull numru ta’ snin,” tenna l-Ministru Galdes.

Ekonomija

Sport