Monday, December 23, 2024

“Se mmur għall-politika fuq bażi nazzjonali għax inħobb ngħin lin-nies”

Aqra wkoll

Jgħid dan Dr Malcolm Paul Agius Galea, Kandidat Laburista fuq is-6 u s-7 Distrett 

Dr Malcolm Paul Agius Galea hu isem sinonimu mar-raħal ta’ Ħaż-Żebbuġ. Hu tabib ferm imfittex f’Belt de Rohan minħabba li ilu 25 sena joqgħod hemmhekk. Minkejja kollox, hu twieled ir-Rabat għalkemm ir-raħal ta’ Ħaż-Żebbuġ dejjem kien jaffaxxinah aktar u aktar meta mar jgħix hemmhekk. Fil-fatt hu s-Sindku ta’ din il-lokalità filwaqt li jqis dan ir-raħal bħala parti minn ħajtu u anke eventwalment il-post tax-xogħol tiegħu. Hu miżżewweġ lil Juanita u għandhom tliet subien Adam, Noah u Jacob.

Agius Galea ilu sindku ta’ din il-lokalità għal dawn l-aħħar sentejn fejn ħalla impatt tajjeb maċ-ċittadini għalkemm innota li din il-kariga ġġorr magħha responsabbiltajiet kbar. Wieħed mill-proġetti ambizzjużi tas-sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ hu li l-pjazza ewlenija tiġi żona pedonali. Għalkemm fi żmien ta’ festi jew tmiem il-ġimgħa ġieli jkun hekk, il-ħolma tiegħu hu li tiġi permanenti sabiex dawk li jiffrekwentawha jkunu jistgħu jgawduha bl-aqwa mod possibbli.

Issa s-sindku Żebbuġi se jmur mill-politika lokali għal dik nazzjonali hekk kif se jkun qed joħroġ bħala kandidat tal-Partit Laburista fis-sitt distrett elettorali li jinkludi Ħal Qormi, is-Siġġiewi u Ħal Luqa u s-seba’ distrett li fih jinkorpora Ħaż-Żebbuġ (Malta), Ħad-Dingli, L-Imġarr, L-Imtarfa, Ir-Rabat (Malta), Il-Baħrija (Ir-Rabat – Malta) u Tal-Virtù (Ir-Rabat – Malta).

“Se mmur għall-politika fuq bażi nazzjonali għax il-karattru tiegħi hu wieħed li jħobb jgħin in-nies filwaqt li nkun viċin tagħhom. Il-politika tkun ġo fik. Jien inqis lili nnifsi bħala annimal soċjali għax inħobb niddjaloga ma’ diversi persuni mingħajr ebda distinzjoni, nifhem dak li jħossu u naħdem sabiex nagħmlilhom il-ħajja tagħhom aħjar. Huwa għalhekk li se mmur fuq bażi nazzjonali għax nemmen li nista’ nagħti xi ħaġa iktar għal nies oħra.”

Malcolm Paul Agius Galea hu persuna li jitkellem ma’ kulħadd irrispettivament mil-liema kulur politiku ġej. Tenna wkoll: “Nammetti li kieku kelli nkun membru parlamentari nixtieq nibqa’ l-istess persuna, bl-istess karattru u nkun viċin in-nies dejjem aktar. Wara kollox il-qofol tal-politika hu dejjem l-individwu. Forsi l-iktar ħaġa li nixtieq niffoka hi dik li l-poplu Malti inġenerali jkollu saħħa mentali, soċjali u psikoloġika li bħala tabib naraha ferm kruċjali.”

Tenna li “bil-Partit Laburista fil-gvern pajjiżna jkompli miexi ‘l quddiem u jwettaq ir-riformi li tant huma meħtieġa sabiex kulħadd ikollu d-drittijiet tiegħu salvagwardjati filwaqt li ħadd ma jibqa’ lura.”

Ekonomija

Sport