Saturday, December 21, 2024

“Se nagħmel aktar pressjoni biex il-KE tapprova l-użu ta’ charger wieħed komuni għal diversi apparat diġitali”

Aqra wkoll

– Dr Alex Agius Saliba – Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Laburista

Dr Alex Agius Saliba twieled nhar il-31 ta’ Jannar 1988 u llum il-ġurnata għandu 33 sena. Hu magħruf ħafna fid-dinja tal-politika tant li ta’ 17-il sena kien diġa’ parti mill-moviment tal-istudenti bl-isem ta’ Pulse. Hu ngħaqad mal-Forum Żgħażagħ Laburisti fejn beda jokkupa l-kariga ta’ segretarju ġenerali u aktar tard president ta’ din l-istess organizazzjoni.

Għal għaxar snin sħaħ, Agius Saliba kien ukoll membru fl-Eżekuttiv Nazzjonali tal-partit filwaqt li fis-sena 2018 hu ġie avviċinat mill-prim ministru ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat sabiex jikkontesta għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Eventwalment hu ġie elett b’35,823 voti. Hu kien involut f’diversi kumitati fi ħdan dan il-parlament u riċentement għaddej b’negozjati mas-soċjalisti demokratiċi dwar ‘l hekk imsejħa riżoluzzjoni dwar charger komuni bl-Unjoni Ewropea li approvatu b’mod unanimu. 

Agius Saliba ġie wkoll maħtur bħala rapporteur tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali mill-kumitat tas-suq intern u tal-protezzjoni tal-konsumatur fi ħdan il-Parlament Ewropew.

Din il-gazzetta ltaqgħet ma’ Agius Saliba f’ristorant ewlieni fir-Rabat hekk kif inzerta li qed jagħmel xi ftit tal-jiem f’Malta u fejn qed jieħu l-opportunita’ sabiex jiltaqa’ mal-kostitwenti tiegħu.

Hu mal-ewwel qal li jħobb ħafna l-kuntatt man-nies minħabba li bħala ewroparlamentari iżda wkoll bħala politiku hu jkun jista’ jħoss il-polz tal-poplu li jammetti li jitgħallem ħafna mingħandhom.

Peress li konna f’ristorant ferm rinomat tar-Rabat Malta, ma kinitx diffiċli li l-ewwel mistoqsija li nistaqsuh tkun marbuta man-negozji f’pajjiżna li reġgħu qabdu dik it-triq lura f’ekonomija b’saħħitha wara xhur ta’ inċertezza dovuti għall-pandemija. 

“Irrid nibda biex ngħid li l-gvern investa f’mument ta’ inċertezza kbira fil-pajjiż u fid-dinja. Is-sena 2020 xejn ma kienet daqshekk faċli għal kulħadd u f’pajjiżi oħra hemm min għadu għaddej minn instabbilta’ kbira. Aħna mxejna mod ieħor. Konna kapaċi noħolqu budgets żgħar li minnhom rajna kif stajna ngħinu lin-negozji aktar u aktar sabiex ma jkeċċux il-ħaddiema tagħhom. Irrid ngħid ukoll li mhux b’kumbinazzjoni li Malta rreġistrat l-inqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea.”

Agius Saliba innota li ċerti ħwienet fi Brussels jinsabu magħluqin minħabba li ma felħux bid-daqqa li ġabet il-COVID-19. Kien għalhekk li l-gvern Malti ried joqgħod attent li ma joħloqx inċertezza u l-inċentivi li ngħataw għenu mhux ftit f’dan ir-rigward. 

B’kuntrast għal dan, l-oppożizzjoni Nazzjonalista rat kif toħloq inċertezza billi bdiet tivvinta li kienet ġejja elezzjoni, xi ħaġa li bdiet tinkwieta mhux ftit lin-negozji lokali li qed jippreparaw sabiex sa fl-aħħar ikollhom introjtu normali fil-festi tal-Milied. 

Minkejja kollox, il-ħidma ta’ Alex Agius Saliba ma waqfitx minħabba li sal-ġimgħa li għaddiet stess ġie maħtur mill-Parlament Ewropew bħala l-persuna li se tkun qed tmexxi n-negozjati dwar ic-charger komuni mal-Kunsill u l-Kummissjoni. Issa li għandu dan ir-rwol strateġiku, x’se jkun l-objettiv tiegħu?

“Se nkun qed nagħmel aktar pressjoni sabiex il-kummissjoni Ewropea tapprova l-użu ta’ charger wieħed komuni għal diversi apparat diġitali fosthom smartphones, tablet, headphones, game consoles u kameras tar-ritratti. Nemmen li din hi proposta tajba li se tkun qed ittejjeb il-kwalita’ tal-ħajja tan-nies speċjalment meta kull familja għandha numru ta’ membri li jużaw dan l-apparat elettroniku.”

Agius Saliba kompla jgħid li mingħajr ma jafu n-nies qed iħallsu ta’ charger differenti kull darba li jixtru apparat ġdid. Hu qal li mhux aċċettabbli li kull apparat elettroniku li jinxtara jrid ikollu charger miegħu. Mingħajr ma jaf il-konsumatur qed jiġi ntaxxat bejn €20 u €40 iktar minħabba dak l-istess charger. Apparti minn hekk, hemm ukoll l-aspett ambjentali minħabba li ħafna minn dawn iċ-chargers jispiċċaw mormija fil-borża s-sewda speċjalment jekk l-apparat diġitali ma jibqax tajjeb. B’charger komuni dan kollu jista’ jiġi frankat apparti li wieħed jibża’ aktar għall-ambjent.

Ix-xahar t’Ottubru kien pożittiv ħafna għal Alex Agius Saliba ukoll irnexxielu jġib approvazzjoni kbira fuq rapport li ħa jagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies. Fil-fatt hu qed jagħmel xogħol imprezzabbli għall-persuni b’diżabilta’. 

L-ewroparlamentari Ewropew f’isem il-Partit Laburista qalilna li l-qasam tal-persuni b’diżabbilta’ hu ferm għal qalbu. Hu sostna li ma jistax ikun li tibqa’ teżisti diskriminazzjoni fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea dwar dan is-suġġett tant sensittiv. Fil-fatt l-objettiv ewlieni tiegħu li diġa’ ddikjarah hu dak li jkun hemm liberta’ tal-moviment ta’ dawn il-persuni li m’għandhom xejn inqas minn ħaddieħor. Huma wkoll għandhom rwol importanti x’jaqdu fis-soċjeta’ tal-lum il-ġurnata. 

La semmejna x-xahar t’Ottubru wieħed ma jistax ma jsemmix il-budget li ġie ppreżentat mill-Ministru għall-Finanzi l-Onorevoli Clyde Caruana. Żgur li wieħed jista’ jfaħħar il-miżuri li ttieħdu b’kuntrarju għall-oppożizzjoni li allegat li dan il-budget kien mimli tberbiq u ħela. 

“L-oppożizzjoni nazzjonalista kellha l-opportunita’ li toħroġ bi proposti jew li tagħmel kritika bis-sens sabiex wieħed jimxi fuqha u jtejjeb ċerti miżuri. Minflok semmiet li l-gvern qed jaħli u jberbaq. Ninsab xi ftit xettiku wara dawn id-dikjarazzjoni meta tqis li aħna tajna diversi inċentivi fosthom liż-żgħażagħ, anzjani u ħaddiema li jaħdmu fuq bażi part-time. Aħna bħala gvern anzi rajna li nonfqu flus il-poplu bil-għaqal filwaqt li noħolqu l-ġid. Mhux ta’ b’xejn li sondaġġ wara ieħor, il-Partit Laburista qed jikseb popolarita’ wara l-oħra.”

Finalment tlabna lil Agius Saliba sabiex ikellimna dwar il-ġimgħa xi ftit differenti li se jkun qed iqatta’ fi Spanja minflok Brussell u Malta fejn normalment ikun qed iwettaq il-ħidma tiegħu. Hu qal li se jkun qed imexxi delegazzjoni Ewroparlamentari tas-Soċjalisti Ewropej b’diversi żjarat fi bliet differenti. Hu qal li se jkunu qed jindirizzaw xi petizzjonijiet li jinvolvu madwar 380 każ ta’ persuni li ilhom neqsin għal madwar 15 jew 16-il sena fi żmien meta Spanja kienet għaddejja minn turbulenza kbira. 

Dawn huma ftit mill-ħidmiet li Alex Agius Saliba qed jirsisti dwarhom hekk kif jemmen li bħala Ewroparlamentari, il-vokazzjoni li jaqdi lin-nies u jara li jgħixu ħajja tajba tibqa’ hemmhekk.

Ekonomija

Sport