Friday, December 13, 2024

“Se nagħtu lil dan il-pajjiż mhux biss aktar ġid imma se npoġġu aktar flus fil-but tan-nies”

Aqra wkoll

Grech jgħid li fil-programm elettorali se jagħmlu dikjarazzjoni ċara u jwiegħed l-akbar investiment fl-afforestazzjoni

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li l-programm elettorali, li se jkunu qed ivaraw ftit sigħat oħra, għandu diversi mhux biss proposti imma għandu pjan ċar li bil-viżjoni tagħhom se jkunu qed jagħtu lil dan il-pajjiż mhux biss aktar ġid imma se jkunu qed ipoġġu aktar flus fil-but tan-nies.

Filwaqt li indirizza lill-midja minn ġewwa Birżebbuġa, Grech qal: “Bla dubju aħna l-Partit Nazzjonalista, fil-viżjoni li għandna għal Malta, irridu nkomplu ninvestu fir-riżorsi ta’ dan il-pajjiż b’mod partikolari fin-negozji tagħna. Aħna nemmnu li dak huwa l-mezz kif tista’ ttejjeb il-possibiltà li wieħed isib xogħol tajjeb u mhux xogħol prekarju, imma huwa wkoll mezz kif wieħed ikompli jkabbar l-ekonomija.”

Żied jgħid: “Għaldaqstant, filwaqt li huwa tajjeb li nkomplu ninvestu fin-negozji, aħna nemmnu li rridu ninvestu wkoll fil-kwalità tal-ħajja tan-nies. Kulħadd għandu dritt li jgħix ħajja aħjar, ħajja aktar diċenti, imma jekk għandna d-dmir li nieħdu ħsieb il-kwalità tal-ħajja, għandna wkoll id-dmir li naraw li l-persuni jkunu f’darhom b’moħħom mistrieħ imma wkoll fil-pjazez u l-lokalitajiet.”

Tkellem ukoll dwar l-importanza ta’ aktar żoni ħodor u miftuħa. Qal li verament jemmnu li l-bniedem mhux biss qiegħed hemm biex jgħix u jaħdem imma qiegħed  hemm ukoll biex ikollu dik il-kwalità tal-ħajja u għalhekk għandu dritt igawdi dawn it-tip ta’ spazji. Semma kif fil-programm elettorali jagħmlu dikjarazzjoni ċara li se jkunu qed jaraw li jkollna afforestazzjoni f’dan il-pajjiż li qatt ma rajna bħalha.

Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar il-proposta li ħabbar ilbieraħ u jekk humiex qed ikunu popolisti, Grech qal: “Mhux qed ngħidu kif għamel il-gvern li xi ħadd jieħu ċitazzjoni mbagħad naħfruhilu għaliex hemmhekk aħna moħħna fil-voti. Mhux qed nagħmlu hekk. Aħna mhux qed ngħidu li xi ħadd li kellu €3 miljun ċitazzjonijiet naħfruhomlu anke jekk dan diġà tħallas tagħhom mingħand il-klijenti. Aħna qegħdin ngħidu, anzi, li l-persuna nixtiequha li titgħallem u ntuha l-opportunità b’mod pożittiv illi hija titgħallem. Imma jekk f’dawk is-sitt xhur ħa tkun wettqet kontravenzjoni oħra, trid tħallas dik il-multa u trid tħallas il-multa l-oħra li tkun qed twettaq.”

Ekonomija

Sport