Saturday, December 21, 2024

“Se nagħtu lil Għawdex rekord ta’ fondi Ewropej”

Aqra wkoll

Il-Mexxej Laburista Robert Abela jitkellem fuq proġetti ambizzjużi għall-ġżira Għawdxija

Matul konferenza f’Għajnsielem bit-tema ‘Inġeddu Għawdex u l-ambjent li ngħixu fih’, il-Mexxej Laburista Robert Abela ħabbar li l-gżira Għawdxija se tibbenefika minn nefqa rekord ta’ 162 miljun ewro f’fondi ewropej li permezz tagħhom se jsiru proġetti urbani sostenibbli li jwasslu għal kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Għawdxin. Dan għal perjodu ta’ fondi ewropej għall-perjodu 2021-2027. Dan hu ferm iktar mill-fondi allokati għall-perjodu 2014-2020.

Il-proġetti li se jsiru b’dawn il-fondi iridu jkomplu jikkumplimentaw dak li diġà qed isir fil-gżira Għawdxija.

Fost oħrajn il-Prim Ministru semma t-tlestija tar-riabilitazzjoni tal-miżbla ta’ Qortin li dalwaqt jasal lejn tmiemu u għalhekk se jkun pazju ieħor li se jkun jista’ jitgawda mill-familji fi ftit tal-ġimgħat oħra. Simili għal dak li sar b’Wied Fulija f’Malta.

Il-Mexxej Laburista tkellem ukoll dwar il-konnettività bl-ajru u bil-baħar bejn iż-żewġ gżejjer u kif il-fast ferry u l-introduzzjoni tar-raba’ vapur tejbet it-traġitt bejn Malta u Għawdex. Iżda mhux se nieqfu hawn, saħaq il-Mexxej Laburista Robert Abela, hekk kif qal li beda jiġi esplorat biex ir-raba’ vapur ikun aqwa u jkun l-ewwel vapur fil-flotta tal-Gozo Channel li jkun aktar ambjentali u b’emissjonijiet iktar baxxi.

Dwar il-konnettività bl-ajru, il-Mexxej Laburista tenna l-impenn tiegħu li l-air link bejn iż-żewġ gżejjer issir. “Se ssir b’mod sostenibbli billi ma tittieħed ebda art agrikola. Kif wettaqna s-servizz tal-fast ferry nwettqu s-servizz tal-air link,” qal il-Prim Ministru. Qal li Għawdex għandu jaħres lejn dan il-proġett mhux biss biex Għawdex jibbenefika permezz ta’ aċċessibilità aħjar imma wkoll permezz ta’ ħolqien ta’ niċeċ ġodda u attivitajiet ekonomiċi ġodda bħalma huma l-possibilità ta’ skola ta’ taħriġ tal-ajru, riċerka fuq drones u oħrajn.

Dan kollu jagħmel parti mill-politika tal-Partit Laburista għal Għawdex, qal il-Mexxej Laburista, ibbażata fuq tliet pilastri ewlenin, il-qalba diġitali, l-investiment għal gżira ħielsa mill-karbonju u l-kwalità tal-ħajja. Hekk biss nistgħu nġeddu lil Għawdex u l-ambjent li ngħixu fih, temm jgħid il-Mexxej Laburista.

L-intervent tal-Prim Ministru segwa numru ta’ interventi oħra li kienu ġejjin minn fost imsieħba soċjali, għaqdiet mhux governattivi, akkademiċi u membri ta’ kunsilli lokali.

Ekonomija

Sport