Wednesday, April 24, 2024

Xi jfisser li tkun razzist?

Miktub minn Maria Borg Vella

Meta nistaqsi lil nies ta’ madwari x’jiġifieri li tkun razzist, fil-maġġoranza tagħhom isemmu l-kulur tal-ġilda bħala raġuni għaliex nies ikunu razzisti. Għaliex? Għax l-aktar li naraw razziżmu huwa fil-fatt lejn nies suwed. Imma r-razziżmu ma jibdiex u ma jispiċċax mal-kulur tal-ġilda. Skont Merriam-Webster, id-definizzjoni ta’ razziżmu hi ‘it-twemmin li r-razza hija fundamentali biex tiddetermina karatteristiċi u kapaċitajiet umani u li differenzi razzjali jipproduċu superjorità ta’ razza partikolari’. Id-definizzjoni tkompli tespandi u tgħid li r-razziżmu jinkludi ‘oppressjoni sistematika ta’ grupp razzjali għal vantaġġ soċjali, ekonomiku u politiku ta’ grupp ieħor’.

Ritratt minn Roger Azzopardi

Fejn iħallina dan?

Ir-razziżmu huwa dak kollu li jagħmel grupp ta’ nies iqisuhom aħjar u superjuri għal grupp ieħor. Dan fis-soċjetà tagħna jibda mid-djar meta t-tfal jisimgħu lill-qraba jitgħajru f’xi marċ tal-festa. Meta jisimgħu lil missierhom jgħajjar lil-Laburisti ħamalli.Meta jisimgħu lin-nannu jgħid li n-Nazzjonalisti kollha ħallelin. Meta jisimgħu li n-nies ta’ Tas-Sliema kollha kesħin, jew li n-nies tas-‘South’ kollha foqra għax irresponsabbli. Meta l-qraba tagħhom jirreferu għal nies omosesswali bħala pufti. Meta ngħidu li r-Russi kollha prostituti. Dan kollu huwa dak li bl-Ingliż insejħulu breeding ground għar-razziżmu. Ngħallmu lit-tfal jagħmlu distinzjonijiet skont il-vot, skont l-istatus soċjali, skont l-ilbies u saħansitra skont liema qaddis jiffansja l-persuna li qbadna magħha. Din ir-ridikolaġni twassal biex ikollna adulti razzisti.

Minn dawn is-sitwazzjonijiet ta’ fuq, li jidhru innoċenti, imbagħad nimxu għal dak li forsi ħafna jidentifaw mar-razziżmu. L-attakk fuq il-kulur tal-ġilda. Din il-ġimgħa ltqajt ma’ anzjan li qalli kif kien ixxukkjat meta minn Malta insulari fl-1969 emigra lejn Cape Town minħabba raġunijiet finanzjarji. Ra skjavi suwed bil-ktajjen li kif jażżardaw ma jobdux ikun hemm lesti gwardji bl-armi u bla ħniena. U minkejja li ħajtu kienet mid-dar għall-quddies, għaraf li dan kollu hu ħażin. Għax kollha kemm aħna nafu li ħażin tittratta n-nies b’dan il-mod. Safrattant l-iskjavitù beda qabel Kristu u għad hawn miljuni li jgħixu bħala skjavi. Għaliex? Għax xi ħadd xi mkien ħa d-dritt f’idejh li hu aħjar minn dak li hu skjav; li ddeċieda li l-iskjav mhux liberu u għandu dritt fuqu; li hu superjuri.

Immorru aktar lura. Fl-1960, il-qorti fi New Orleans iddeċidiet li l-iskejjel jitħalltu, jiġifieri ma jkunx hemm tfal ta’ kulur wieħed biss. Ruby Bridges kienet l-ewwel tifla li marret ġo skola li sa dak iż-żmien attendew fiha biss tfal bojod. Il-ġenituri tat-tfal preżenti pprotestaw u ma daħħlux lil uliedhom l-iskola; heddew lit-tifla li jivvalenawha u kien ikollhom pupi suwed ġo twiebet hi u dieħla l-iskola. Il-President Amerikan kellu jibgħat l-għassa mat-tifla.

Ritratt minn Roger Azzopardi

Lokalment

Jekk qed nitwaħħxu b’dan t’hawn fuq, niftakru li f’din it-toqba, sentejn ilu, raġel iswed inqatel għax hu iswed. Assistejna għal ċorma nies jiġġieldu ma’ iswed ieħor, b’wieħed minnhom jitfgħu l-baħar u ħadd ma jgħinu jitla’. Kellna xi ftit kundanni u aktar spjegazzjonijiet apoloġetiċi saħansitra mingħand politiċi. Ftit qabel dan l-inċident saret mozzjoni minn xi membri tal-Oppożizzjoni biex fil-Parlament jiġi diskuss ir-razziżmu, wara li fuq il-mezzi soċjali ġew mgħajra l-plejers ta’ kulur tat-tim Ingliż. Kellu jkun inċident barra l-pajjiż biex niddiskutu r-razziżmu. Nixtieq li meta din il-mozzjoni tiġi diskussa tieħu laqta lokali, għax jekk naħsbu li ma wasalniex fejn waslu l-Ingliżi sejrin żball. Barra l-qtil ta’ Cisse u l-proxxmu li twaddab il-baħar, ikollna mijiet ta’ inċidenti oħrajn li huma direttament marbutin mar-razziżmu. Mhux aċċettabbli li ġenituri jkesksu lil uliedhom fil-bandli meta jaraw xi tfal ta’ kulur li ‘Malta mtliet bis-suwed’. Mhux aċċettabbli li mara Russa li tistenna lil uliedha ħdejn l-iskola tifhem minn hawn u minn hemm li ġenituri qed jgħidu li żżewġet għall-konvenjenza. Mhux aċċettabbli li allegat rapport fuq iswed jittieħed tant b’serjetà anke meta jkun falz.

Ritratt minn Roger Azzopardi

Kif nimxu?

Nelson Mandela kien qal li bħall-iskjavitù u l-apartheid, il-faqar mhux naturali; huwa magħmul mill-bniedem u jitneħħa biss bl-azzjonijiet ta’ bnedmin oħrajn. L-istess argument nistgħu nagħmluh fuq ir-razziżmu u nażżarda nżid li waħda mis-soluzzjonijiet hija l-edukazzjoni minn età bikrija. Bħalma ngħallmu dwar ikel bnin u/jew bullying, irridu ngħallmu dwar ir-rispett reċiproku. Sintendi biex tgħallem ir-rispett reċiproku ma tridx tkun razzist jew membru ta’ għaqdiet tal-lemin estrem. Illum qabel għada hemm bżonn li jsiru programmi fl-iskejjel li jagħtu ħajja lid-diversità bis-serjetà.

“25 sena ilu ġo Paceville rajt bouncer Afrikan jiċħad id-dħul ġo klabb lil Afrikan ta’ Fuq għax skontu jaqilgħu l-inkwiet. Ftit tal-ġimgħat ilu koppja tal-istess sess ġiet imsawta u tkeċċiet minn lokal allegatament minn bouncer. F’25 sena nbidel l-imsawwat, mhux l-attitudni.”

Aqra Wkoll