“Se naħdem biex inressaq liż-żgħażagħ viċin il-fora tan-Nazzjonijiet Magħquda”

- Julianne Vella, United Nations Youth Delegate ta’ Malta 

Aqra wkoll

“Nixtieq inressaq aktar liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin viċin il-fora tan-Nazzjonijiet Magħquda, nisma’ l-esperjenzi, it-tħassib u l-aspirazzjonijiet tagħhom, u nwassalhom fid-diskussjonijiet internazzjonali. Fl-istess ħin, nixtieq nikkontribwixxi għall-ħidma ta’ Malta favur il-paċi, il-multilateraliżmu u d-djalogu, filwaqt li nibni wkoll rabtiet ma’ żgħażagħ minn pajjiżi oħra.” 

Iddikjarat dan Julianne Vella f’kummenti ma’ dan il-ġurnal b’rabta mal-ħatra tagħha bħala United Nations Youth Delegate ta’ Malta, fejn qalet li hu ta’ unur u privileġġ għaliha li ġiet fdata bl-opportunità sabiex tirrappreżenta lil dawn il-gżejjer fuq livell internazzjonali.

Vella ddikjarat ukoll li temmen li ż-żgħażagħ għandhom rwol importanti ħafna fis-soċjetà tal-lum. Mhux biss huma l-mexxejja ta’ għada, iżda għandhom ikunu parteċipanti attivi fid-deċiżjonijiet li qed jittieħdu llum. “Iż-żgħażagħ iġibu ideat ġodda, perspettivi differenti u enerġija li jistgħu jgħinu lis-soċjetà tindirizza l-isfidi tal-lum,” hija żiedet tgħid. 

Dan huwa wkoll rifless fl-aġenda tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar iż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà, li tagħraf ir-rwol importanti taż-żgħażagħ fil-bini tal-paċi, fid-djalogu u fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Għalhekk, hija qalet li hu essenzjali li ż-żgħażagħ jingħataw opportunitajiet konkreti biex isemmu leħinhom, jipparteċipaw b’mod sinifikanti u jkollhom impatt fis-soċjetà.

Julianne Vella għandha esperjenza fil-qasam tar-rappreżentanza żagħżugħa, il-governanza u l-kooperazzjoni internazzjonali. Bħalissa qed issegwi Master’s fuq Data Science and Politics fil-University College Dublin u serviet f’diversi rwoli ma’ organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali taż-żgħażagħ.

Intant, meta ppreżenta lil Vella ċ-ċertikat ta’ ħatra bħala United Nations Youth Delegate ta’ Malta, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Chris Fearne spjega kif il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-politika barranija hija kruċjali sabiex il-vuċijiet tagħhom ikunu rappreżentati fid-deċiżjonijiet li qed jissawru llum. 

Huwa żied li permezz tal-programm tal-United Nations Youth Delegate, Malta qed tkompli tagħti opportunitajiet konkreti liż-żgħażagħ biex jikkontribwixxu għad-diskussjonijiet internazzjonali u jirrappreżentaw lil pajjiżhom fil-fora tan-Nazzjonijiet Magħquda.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport