Prosekuturi f’qorti fl-Awstralja qed jappellaw kontra sentenza li jiddeskrivu bħala “manifestament inadegwata,” peress li tippermetti l-possibbiltà ta’ ħelsien bikri (parole). Il-prosekuturi għamlu dan l-appell fil-konfront ta’ Erin Patterson, magħrufa bħala l-“qattiela bil-faqqiegħ” li reati li wettqet kienu verament terribbli tant li m’għandha qatt titħalla toħroġ mill-ħabs.
Patterson ġiet ikkundannata għal għomor il-ħabs wara li qatlet tlieta mill-qraba tagħha u ppruvat toqtol ieħor billi servietilhom ikla “Beef Wellington” li kienet ħalltet miegħu faqqiegħ velenuż ħafna, fid-dar tagħha f’Victoria fl-2023.
Patterson, li għandha 51 sena, li segwiet is-seduta tal-Qorti tal-Appell permezz ta’ video-conference mill-ħabs, se tkun eliġibbli għall-ħelsien (parole) wara li tkun qattgħet 33 sena mis-sentenza tagħha ta ħabs.
L-imħallfin qalu li se jżommu d-deċiżjonijiet tagħhom riżervati li jfisser li x’aktarx se jgħaddu ġimgħat jew xhur qabel ma jsir magħruf l-eżitu taż-żewġ appelli.
Fost il-vittmi ta’ Patterson hemm il-qraba tar-raġel tagħha, Don u Gail Patterson – it-tnejn ta’ 70 sena – kif ukoll oħt Gail, Heather Wilkinson, ta’ 66 sena. Dawn kollha mietu wara dak li l-prosekuturi ddeskrivew bħala “mard xokkanti” konsegwenza tal-avvelenament bil-faqqiegħ.
L-unika persuna li skappa l-mewt kien ir-raġel ta’ Heather, Ian Wilkinson, li madankollu baqa ma rkuprax għalkollox mill-avvelenament.
Il-prosekuturi spjegaw ir-raġuni li r-reat ta’ Patterson kien orribbli u rreferew għall-ksur tal-fiduċja lejn membri tal-familja li hija stess kienet stiednet għall-ikla ta’ nofsinhar. Qalu li dan kien il-qofol ta’ pjan li hija kienet orkestrat għal xhur sħaħ li kien jinkludi l-ġbir u t-tħejjija ta’ biżżejjed faqqiegħ velenuż tat-tip “death cap” biex toqtol, kif ukoll il-ħolqien ta’ gidba kbira biex tiġġustifika l-ikla.
Skont ma qalu l-prosekuturi, il-mistednin tal-ikla kienu dejjem urew qalb tajba mal-akkużata u wliedha tul ħafna snin. L-akkużata mhux biss baqgħet tħares waqt li l-vittmi tagħha kielu l-ikla fatali f’atmosfera ħafifa u ċajt, iżda l-ikla ntemmet b’talba, wara li l-akkużata ivvintat gidba li hija kienet ġiet iddijanjostikata bil-kanċer.
Meta ħabbar is-sentenza f’Settembru tas-sena l-oħra, l-Imħallef qal li kien qed jagħti lil Patterson xi ftit tama li tinħeles, unikament minħabba l-kundizzjonijiet ħorox tal-ħabs li kienet qed tiffaċċja. Huwa qalilha li hemm probabbiltà kbira li, għas-sigurtà tagħha, tibqa’ tinżamm f’iżolament għas-snin li ġejjin.
Madankollu, il-prosekuturi jsostnu li din l-istqarrija kienet “esaġerata”, u argumentaw li l-kundizzjonijiet tagħha kienu se jitjiebu maż-żmien, speċjalment hekk kif l-attenzjoni pubblika fuqha kienet se tonqos.




