Monday, December 23, 2024

“Se naħdem għall-futur sabiħ” – Omar Farrugia

Aqra wkoll

Omar Farrugia hu żagħżugħ ta’ 26 sena, li twieled, trabba u għadu ngħix l-Imqabba. Huwa s-Sindku tal-istess lokalità u Kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali f’isem il-Partit Laburista fuq il-Ħames u s-Sitt Distrett.

Iżda minn fejn bdiet din l-imħabba għall-attiviżmu u għall-politika?

Mir-rieda li nservi u mhux nisserva. Mis-sens ta’ dover lejn il-komunità li ndokratni u li llum għandi l-privileġġ u l-unur illi nservi b’umiltà bħala Sindku tal-Imqabba. L-istess dover li nħoss lejn il-komunitajiet kollha fil-ħames distrett li tawni ħafna u li fiċ-ċokon tiegħi, lest illi nservi bl-istess imħabba u mingħajr ebda distinzjoni. 

Għalija l-politika hija vokazzjoni mnebbħa mid-determinazzjoni li nagħmel differenza pożittiva fil-ħajja tan-nies. Għalhekk ma stajtx ninjora s-sejħa tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Dr. Robert Abela, illi nkun parti mit-tim tiegħu fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Sejħa li kienet riflessa f’mewġa t’appoġġ biex wara s-suċċess fl-Imqabba, nagħmel il-pass naturali li jmiss. 

Dan ċertament li mhux a skapitu tal-Imqabbin li llum għandi l-unur illi nservi, u li jiġri x’jiġri, se nkompli nservi bl-istess ħeġġa u enerġija. Għal kuntrarju, kemm-il darba l-poplu jislifni l-fiduċja biex nirrappreżentah fil-Parlament, se nkun fl-aqwa pożizzjoni biex flimkien ma’ Tim Malta, naqdi l-ħtiġijiet u nħares l-interessi tal-irħula kollha li jiffurmaw il-ħames distrett. 

Skont Omar, x’inhuma l-akbar sfidi li qed jitkellmu fuqhom in-nies li jiltaqa’ magħhom ta’ kuljum waqt il-home visits?

Jekk nista’ nislet sentiment komuni mid-diversi żjarat li għamilt, ċertament li huwa s-sentiment tal-fiduċja. Fiduċja li tirrikonoxxi sfidi preżenti, iżda li tħaddan kuraġġ u ottimiżmu li l-futur huwa sabiħ. Mhux fiduċja għamja, iżda fiduċja merbuħa mill-Gvern immexxi b’tant abbiltà mill-Prim Ministru Robert Abela li żamm sod fil-maltemp globali kkawżat mill-pandemija u l-gwerra fl-Ukrajna, aħseb u ara x’jagħmel fil-bnazzi. 

In-nies taf li Malta mhix iżolata mill-bqija tad-dinja u l-impatt ta’ kriżijiet internazzjonali, iżda taf ukoll li Robert Abela fit-tmun ifisser serħan il-moħħ. Serħan il-moħħ li għal kull sfida Malta Flimkien se ssib opportunità. Serħan il-moħħ li se jiżdiedu l-pensjonijiet u l-istipendji, li se jinħolqu spażji ġodda ta’ rikreazzjoni madwar Malta kollha, li se jinħolqu aktar impjiegi ta’ kwalità, li se jonqsu t-taxxi għan-negozji, li aktar żgħażagħ se jsiru ġenituri u li jkunu jistgħu jsiru sidien ta’ djarhom. 

Għalhekk, quddiem kull sfida għandna għażla: jekk immorrux għall-futur, jew inreġġgħux l-arloġġ lura għall-passat. Bħal ħafna oħrajn li tkellimt magħhom, jien se naħdem għall-futur sabiħ. 

Jekk jingħata l-fiduċja, Omar, x’timbru jixtieq iħalli bħala Membru Parlamentari?

It-timbru ta’ Malta Flimkien. Tal-għaqda fuq il-firda. Tal-futur fuq il-passat. Ta’ Malta li ma tiġġudikax abbażi ta’ twemmin jew ġeneru, u li fiha kulħadd, ġej minn fejn ġej, jista’ jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu. Timbru ta’ pajjiż fejn żgħażagħ bħali jistgħu joħolmu u jimxu ‘l quddiem fl-istudji, fil-karrieri u fil-ħajja tagħhom, f’pajjiż li jixpruna l-progress filwaqt li jħares id-drawwiet u t-tradizzjonijiet tal-Maltin u l-Għawdxin.

Din hi Malta li rrid ngħix fiha u l-viżjoni li se tiggwidani f’ħidmieti. Viżjoni għall-futur li jaħseb fl-akbar investimenti infrastrutturali u ambjentali, daqs kemm jaħseb fil-ħtiġijiet individwali ta’ kulħadd. 

Malta Flimkien. Malta Ugwali. Malta Progressiva. Malta Suċċess Għal Kulħadd.   

Ekonomija

Sport