Wednesday, December 25, 2024

“Se naħdmu biex indaħħlu skill cards fit-turiżmu”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru Clayton Bartolo f’seminar organizzat mill-ACE dwar il-futur għall-industrija tal-catering

Bil-għan li jinżamm il-livell meħtieġ biex tkun assigurata l-kwalità fl-industrija tal-ospitalità, se tkun qed issir ħidma sabiex tiġi żviluppata u introdotta sistema ta’ skill cards. Dan ix-xogħol se jitwettaq mill-Gvern flimkien mal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA). Il-ħsieb huwa li dawn l-iskill cards ikunu introdotti gradwalment sabiex ma jinħolqux piżijiet fuq l-industrija tal-ospitalità.

Dan ħabbru l-Ministru tat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Clayton Bartolo meta lbieraħ filgħodu indirizza seminar organizzat mill-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE) dwar it-triq ‘il quddiem għall-industrija tal-catering. 

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Bartolo rrefera għall-pandemija u r-riperkussjonijiet li ġabet magħha u sostna li minbarra dawn issa hemm ukoll il-gwerra fl-Ukrajna li qed toħloq aktar inċertezza.

Il-Ministru Clayton Bartolo ċaħad li l-Gvern se jkun qed jitlob lura l-flus li ngħataw f’wage supplement u kull għajnuna oħra li ngħatat lin-negozji waqt il-pandemija.

Semma wkoll kif ll-programm elettorali tal-Partit Laburista jiffoka ħafna fuq il-prodott turistiku, ir-riġenerazzjoni ta’ diversi żoni fosthom San Pawl il-Baġħar u Buġibba kif ukoll fuq ix-xogħol li jrid isir biex Malta kollha ssir żona turistika.

Il-Ministru Bartolo fisser li fl-aħħar xhur saret ħidma mal-ITS biex tinbena strateġija fuq medda ta’ ħames snin sabiex l-iskop tal-ITS jitwessa’ aktar u jilħaq livelli ta’ università.

Dwar il-futur, il-Ministru għat-Turiżmu sostna li fix-xhur li ġejjin se tkun imnedija skema immirata li tkabbar iktar il-produzzjoni lokali fejn il-Gvern se jkun qed jgħin u jinċentiva lil dawk li jagħżlu li jixtru prodotti lokali.

Huwa temm jgħid li l-Gvern irnexxielu jsib bilanċ waqt il-pandemija, madankollu issa huwa l-mument li l-pajjiż jibqa miexi ‘l quddiem, iħalli l-pandemija warajh u jassigura li terġa’ tkun restitwita n-normalità.

Min-naħa tiegħu, il-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit Nazzjonalista u kelliem għat-Turiżmu Robert Arrigo sostna li r-restoranti kellhom sentejn ibsin ħafna, sentejn fejn in-negozji ħabbtu wiċċhom ma’ ħafna spejjeż. 

Arrigo semma l-problema li xi drabi jkun hemm wejters li lanqas jafu jitkellmu bl-Ingliż u ttratta l-importanza li l-ħaddiema fil-qasam tat-turiżmu jkollhom għarfien dwar Malta. Dan ġej mill-fatt li bħalissa t-turiżmu huwa miżgħud b’ħaddiema barranin u b’konsegwenza ta’ dan ħafna drabi mhux qed ikun possibbli li jkollhom ċertu għarfien dwar il-kultura Maltija. 

Arrigo wissa li din is-sena għal darb’oħra rridu nerġgħu noqogħdu b’seba’ għajnejn minħabba l-fatt li dawn l-aħħar jiem reġgħu qed jiżdiedu l-każi tal-COVID-19. Huwa saħaq ukoll li jeħtieġ illi tinstab soluzzjoni dwar il-problema tan-nuqqas ta’ impjegati fis-settur turistiku. 

Min-naħa tiegħu, l-Ekonomista Steve Ellul stqarr li l-industrija tal-catering kienet potenzjalment waħda mill-aktar milquta minħabba l-pandemija. Qal li ninsabu f’punt fejn bil-mod il-mod, iżda b’mod konsistenti, resqin lejn irkupru ekonomiku. Qal ukoll li din is-sena qegħdin nistennew tkabbir ekonomiku ta’ 6%, li huwa l-ogħla fost l-istati membri tal-Unjoni Ewropea.

Filwaqt li rrikonoxxa li l-Covid Wage Supplement kien essenzjali għal din l-industrija, Dr Ellul qal li l-fatt li qed tinżamm stabbilità fil-prezzijiet tal-enerġija hija wkoll daqstant importanti. Qal ukoll li sfida oħra li jeħtieġ li tkun indirizzata hi l-kwistjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjiegi. “Nemmen li rridu ninvestu aktar fl-edukazzjoni, b’tali mod li niżguraw li jkun hemm impjegati fl-industrija tal-catering li għandhom tassew għal qalbhom din l-industrija.”

Dwar il-kwistjoni tal-banek, huwa semma kif il-Prim Ministru kien ċar fid-diskors tiegħu meta ppropona li se jkunu qed jilleġiżlaw sabiex kull negozju u self-employed ikollu dritt għal kont tal-bank bażiku u mingħajr dewmien.

Dr Ellul qal ukoll li teżisti l-idea li meta nitkellmu fuq il-kwalità, inkunu qed nirreferu għal ristoranti li joffru servizz ta’ kwalità għolja. Tenna iżda li l-kwalità tfisser ‘valur għal flusek’ fejn ikun żgurat li għal kwalunkwe prezz li l-klijent qed iħallas tiegħu, jingħata l-ogħla livell ta’ kwalità.

Il-President tal-ACE Reuben Buttigieg argumenta li ħafna mill-industriji rnexxielhom jegħlbu d-diffikultajiet u baqgħu joperaw.  Però ma naqasx li jagħmel aċċenn għall-għoli fil-prezzijiet tal-materja prima. 

Buttigieg tkellem ukoll dwar il-fatt li sa ċertu punt qed nitilfu parti mill-identità tagħna fil-qasam tat-turiżmu għaliex il-ħaddiema ħafna drabi jkunu barranin. Ġiet indirizzata wkoll il-problema ta’ cash flow li għadha tinħass sal-lum minkejja li issa ilna li naqqasna r-restrizzjonijiet fis-settur tat-turiżmu. 

Buttigieg għalaq id-diskors tiegħu billi stqarr li se jiġu indirizzati d-diffikultajiet u l-viżjoni li għandna nimplimentaw f’dan is-settur sabiex jimxi ‘l quddiem.

Is-seminar kien ukoll indirizzat mis-Segretarju tal-ACE Matthew Pace u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg.

Ekonomija

Sport